12.2.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 46/2
Appell ippreżentat fit-22 ta’ Novembru 2010 minn Stichting Al-Aqsa kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tad-9 ta’ Settembru 2010 fil-Kawża T-348/07 — Al-Aqsa vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-539/10 P)
2011/C 46/03
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Appellanti: Stichting Al-Aqsa (rappreżentanti: A.M. van Eik u M.J.G. Uiterwaal, avukati)
Appellati: Il-Kunsill tal-Unjoni Europea, Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Settembru 2010 fil-Kawża T-348/07, sa fejn aggravji u argumenti huma mressqa, f’isem l-appellanti, kontra l-motivi ta’ din is-sentenza u, permezz ta’ deċiżjoni ġdida, tilqa’ t-talbiet magħmula mill-appellanti fl-ewwel istanza, flimkien mal-korrezzjoni tal-bażi li fuqha tistrieħ is-sentenza appellata;
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
(1)
Il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Settembru 2010 (fil-Kawża T-348/07) ikkunsidrat li peress li s-Sanctieregeling [Sanctieregeling terrorisme 2003], li kienet tikkostitwixxi l-bażi tal-inklużjoni tal-appellanti fil-lista, kienet ġiet imħassra, sentenza tal-Imħallef għal miżuri provviżorji lanqas ma kienet tipprovdi bażi suffiċjenti sabiex iż-żamma tal-appellanti fil-lista tibqa’ ġġustifikata. L-appellanti (iktar ’il quddiem ukoll “Al-Aqsa”) taqbel ma’ dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali.
(2)
Madankollu, ċerti punti mill-motivi tas-sentenza jiddikjaraw uħud mill-motivi tar-rikors ta’ Al-Aqsa bħala infondati. Il-Qorti Ġenerali għalhekk qieset li s-Sanctieregeling, flimkien mas-sentenza tal-Imħallef għal miżuri provviżorji, tista’ tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali kompetenti, li tissodisfa d-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(4) tal-PK [Pożizzjoni Komuni 2001/931]. Il-Qorti Ġenerali sussegwentement ikkunsidrat li, fir-rigward ta’ Al-Aqsa, element ta’ “[għarfien]” jista’ jiġi stabbilit fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-PK u kif meħtieġ mill-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 2580/2001 (1).
(3)
L-appellanti ma tistax taqbel ma’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u tikkontesthom fl-appell tagħha. Qabel ma tiżviluppa l-aggravji tagħha, hija tibda bil-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-appell.
(4)
L-aggravji li l-appellanti tinvoka jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali eċċediet il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha meta stabbilixxiet hija stess liema prova għandha tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-PK (aggravju 1).
(5)
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li s- Sanctieregeling, indipendentement minn jekk mhux flimkien mas-sentenza tal-Imħallef għal miżuri provviżorji jew le, tista’ tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-PK (aggravju 2).
(6)
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali eċċediet il-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha billi interpretat hija stess is-sentenza u, tal-inqas, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-interpretazzjoni tas-sentenza (aggravju 3).
(7)
Al-Aqsa titlob li r-rikors promotur tagħha jiġi ddikjarat fondat u li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiġu annullati, bil-korrezzjoni tal-motivi li fuqhom hija bbażata s-sentenza appellata.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207).
Full & Egal Universal Law Academy