5.2.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 38/4
Appell ippreżentat fit-22 ta’ Novembru 2010 minn Quinta do Portal, SA mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) mogħtija fit-8 ta’ Settembru 2010 fil-Kawża T-369/09 — Quinta do Portal, SA vs UASI
(Kawża C-541/10)
2011/C 38/05
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Partijiet
Appellanti: Quinta do Portal, SA (rappreżentant: Bolota Belchior, avukat)
Appellata: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Vallegre — Vinhos do Porto, SA
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali kollha kemm hi.
—
tiddikjara l-provvista totali tat-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, jiġifieri l-annullament tad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tat-18 ta’ Ġunju 2009 tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern, li ċaħdet l-appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ta’ trade marks Komunitarji li, min-naħa tagħha, iddikjarat l-invalidità tat-trade mark Komunitarja Nru 004009908 PORTO ALEGRE, irreġistrata fis-16 ta’ Mejju 2006, ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks Nru 30/2005, tal-25 ta’ Lulju 2005 (Każ R 1012/2008-1).
—
tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż, fiż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
Bejn l-ismijiet “Porto Alegre” u “Vista Alegre” jeżisti nuqqas ta’ xebh kunċettwali, mill-aspett tal-karatteristika dominanti tat-trade mark b’mod komplessiv u nuqqas ta’ xebh ta’ natura grafika u fonetika, billi ż-żewġ ismijiet taż-żewġ trade marks huma differenti.
Il-karattru distintiv tat-trade mark Komunitarja appellata jirriżulta, b’mod determinanti, mill-għaqda tal-kliem “Porto” u “Alegre”, li jifformaw, flimkien, unità loġika u kunċettwali waħdanija.
Il-kelma “Alegre” ma tikkostitwixxix l-element dominanti tat-trade mark Komunitarja. Fid-dawl tal-effett ta’ din il-kwistjoni fl-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali, għandu jiġi osservat li dan ix-xebh ma jirriżultax fil-każ inkwistjoni.
Id-deċiżjoni appellata twettaq interpretazzjoni żbaljata kemm tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (1), kif ukoll tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (2), tas-26 ta’ Frar 2009, (ir-redazzjoni hija l-istess għaż-żewġ regolamenti), u b’hekk tiksirhom.
Is-sentenza appellata ma ħaditx inkunsiderazzjoni u ma evalwatx l-argumenti mqajma fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146)
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy