29.1.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 30/25
Appell ippreżentat fit-23 ta’ Novembru 2010 minn Hans-Peter Wilfer mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) mogħtija fit-8 ta’ Settembru 2010 fil-Kawża T-458/08 — Wilfer vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-546/10 P)
2011/C 30/42
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellant: Hans-Peter Wilfer (rappreżentant: W. Prinz, avukat)
Appellat: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet tal-appellant
L-appellant jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-8 ta’ Settembru 2010, fil-Kawża T-458/08,
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell ġie ppreżentat kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li tiċħad ir-rikors ippreżentat mill-appellant kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern tal-25 ta’ Lulju 2008, li tiċħad l-applikazzjoni tiegħu għar-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva li tirriproduċi l-parti ta’ fuq ta’ gitarra ta’ kulur il-fidda, griż u kannella.
Insostenn tal-appell tiegħu l-appellant jinvoka erba’ aggravji.
Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dokumenti li kienu inizjalment annessi mar-rikors. Ir-rikorrent jafferma li dawn kienu jirrigwardaw biss l-integrazzjoni tal-argumenti preċedenti li madankollu kellhom jiġu eżaminati.
Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94, meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li għat-trade marks fl-għamla ta’ prodotti tridimensjonali kellha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-prodotti ta’ konsum regolari u, min-naħa l-oħra, il-prodotti speċjali. Il-prodotti speċjali huma kkaratterizzati mill-fatt li dawn, fl-opinjoni ġeneralment kondiviża mill-pubbliku interessat, jindikaw partijiet partikolari tal-prodott proprju sabiex jindikaw l-oriġini tiegħu. Konsegwentement, f’dan ir-rigward ma humiex applikabbli ċerti obbligi ta’ dimostrazzjoni tal-karattru distintiv. F’dan il-kuntest, għal tali partijiet tal-prodotti huwa diġà suffiċjenti minimu ta’ karattru distintiv. Barra minn hekk, il-kwistjoni tal-karattru distintiv ma ġietx ittrattata fid-dawl tal-prassi komuni li tipprovdi li huwa dejjem innotat mill-pubbliku interessat (mużiċisti professjonisti u dilettanti) li, strumenti bil-kordi, bħalma huma l-vjolini jew l-istradivari, huma identifikati minn għamla partikolari tal-parti ta’ fuq ta’ strument. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni li, għat-trade mark figurattiva li tirriproduċi biss parti minn prodott, li normalment isservi sabiex tindika l-prodott, bħalma hija l-parti ta’ fuq tal-kitarra, huwa diġà suffiċjenti minimu ta’ karattru distintiv.
Il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju tal-eżami ex officio tal-fatti skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament (KE) Nru 40/94, inkwantu, b’riferiment għall-kwistjoni tal-mod kif il-parti ta’ fuq ta’ kitarra tista’ tindika l-oriġini ta’ kitarra, ittraskurat ir-rabta regola/eċċezzjoni.
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-prinċipju ta’ trattament ugwali, inkwantu ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ trade marks Komunitarji u nazzjonali oħra li jirriproduċu wkoll biss il-parti ta’ fuq ta’ kitarra.
Full & Egal Universal Law Academy