26.2.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 63/18
Appell ippreżentat fit-22 ta’ Novembru 2010 minn Tomra Systems ASA, Tomra Europe AS, Tomra Systems GmbH, Tomra Systems BV, Tomra Leergutsysteme GmbH, Tomra Systems AB, Tomra Butikksystemer AS kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Settembru 2010 fil-Kawża T-155/06: Tomra Systems ASA, Tomra Europe AS, Tomra Systems GmbH, Tomra Systems BV, Tomra Leergutsysteme GmbH, Tomra Systems AB, Tomra Butikksystemer AS vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-549/10 P)
2011/C 63/36
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Tomra Systems ASA, Tomra Europe AS, Tomra Systems GmbH, Tomra Systems BV, Tomra Leergutsysteme GmbH, Tomra Systems AB, Tomra Butikksystemer AS (rappreżentanti: O. W. Brouwer, avukat, A.J. Ryan, Solicitor)
Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja joqgħġobha:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, kif mitlub f’dan l-appell;
—
tiddeċiedi b’mod definittiv u tannulla d-deċiżjoni jew fi kwalunkwe każ tnaqqas il-multa, jew sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha ma tiddeċidix il-kawża, tirrinvija l-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi b’mod konformi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; u
—
jekk l-ispejjeż ma humiex riżervati, tordna lill-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż tal-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell huwa dirett kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2010 fil-Kawża T-155/06 Tomra Systems ASA, Tomra Europe AS, Tomra Systems GmbH, Tomra Systems BV, Tomra Leergutsysteme GmbH, Tomra Systems AB, Tomra Butikksystemer AS vs Il Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, is-“sentenza”), li tiċħad ir-rikors ippreżentat mill-appellanti kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiddikjara li l-aġir tal-appellanti kien tali li jeskludi s-suq tar-reverse vending machines.
L-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tannulla s-sentenza, peress li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi kif ukoll żbalji proċedurali billi kkonstatat li l-aġir tal-appellanti kien tali li jeskludi s-suq tar-reverse vending machines. F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu l-aggravji li ġejjin:
(i)
żball ta’ liġi fl-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali meta evalwat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ta’ intenzjoni antikompetittiva li jiġi eskluż is-suq: billi rrikjediet sempliċement li l-Kummissjoni Ewropea ma taħbix dokumenti, il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod impliċitu li għandha twettaq stħarriġ estensiv tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea billi tapplika l-Artikolu 82 KE (li issa sar l-Artikolu 102 TFUE) u barra minn hekk ma ssodisfatx ir-rekwiżiti ta’ stħarriġ marġinali sabiex tistabbilixxi li l-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni Ewropea huma affidabbli, konsistenti u sħiħa u li tista’ tissostanzja l-konklużjonijet misluta minnhom;
(ii)
żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti u adegwata fir-rigward tal-parti tad-domanda totali li l-ftehim kellhom ikopru sabiex ikunu abbużivi: is-sentenza tuża sempliċement termini indefiniti u mhux issostanzjati sabiex tiddeskrivi s-sehem tad-domanda eskluża, filwaqt li jmissha rrikjediet turija ċara li l-esklużjoni ta’ ċertu livell ta’ domanda kienet abbużiva u pprovdiet motivazzjoni suffiċjenti u adegwata f’dan ir-rigward;
(iii)
żball proċedurali u żball ta’ liġi fl-eżami ta’ ribassi retroattivi: il-Qorti Ġenerali għamlet kunsiderazzjoni żbaljata u konsegwentement naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni b’mod korrett l-argumenti tal-appellanti dwar ribassi retroattivi. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma rrikjedietx li l-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi li r-ribassi retroattivi użati mill-appellenti wasslu għal iffissar ta’ prezzijiet iktar baxxi mill-ispejjeż;
(iv)
żball ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni adegwata fid-determinazzjoni ta’ jekk ftehim li fihom l-appellanti jissemmew bħala fornitur favorit, prinċipali jew ewlieni jistgħux jiġu kkwalifikati bħala esklużivi, billi naqset milli tikkunsidra u tistabbilixxi jekk il-ftehim kollha inkwistjoni kinux jinkludu inċentivi ta’ forniment esklużiv mill-appellanti, wara li ċaħdet l-argument tal-appellanti li suppost għandha tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha dwar jekk il-ftehim kinux ftehim ta’ esklużività vinkolanti taħt il-liġi nazzjonali; u
(v)
żball ta’ liġi fl-istħarriġ tal-multa relatat mal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali: il-Qorti Ġenerali naqset milli tapplika korrettement il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta ma kkunsidratx jekk il-livell ġenerali tal-multi kienx żdied meta ddeċidiet li l-multa tal-appellanti ma kinitx diskriminatorja.
Full & Egal Universal Law Academy