12.2.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 46/4
Appell ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2010 minn Éditions Odile Jacob SAS mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) mogħtija fit-13 ta’ Settembru 2010 fil-Kawża T-279/04, Éditions Jacob vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-551/10 P)
2011/C 46/06
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Éditions Odile Jacob SAS (rappreżentanti: O. Fréget, M. Struys, M. Potel-Saville u L. Eskenazi, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Lagardère SCA
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Settembru 2010, fil-Kawża T-452/04, Editions Odile Jacob SAS vs Il-Kummissjoni, u b’hekk tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Odile Jacob, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk inkorsi minn Odile Jacob fl-ewwel istanza, kif ukoll dawk inkorsi minnha fil-kuntest ta’ dan l-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Editions Odile Jacob tqajjem żball fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ konċentrazzjoni fis-sens tar-Regolament 4064/89 (1) u żball ta’ kwalifika ġuridika ta’ holding operation, bi ksur tal-kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ kontroll taħt l-Artikolu 3(3) tar-Regolament 4064/89. L-ewwel nett, billi iżolat il-holding operation, li permezz tagħha Natexis Banques Populaires (NBP) saret akkwirent temporanju ta’ Vivendi Universal Publishing, mill-arranġament legali li wassal għall-ikkontrollar ta’ VUP minn Lagardère, il-Qorti Ġenerali injorat l-għan ġenerali tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, intiż sabiex tiġi identifikata r-realtà ekonomika li fuqha huma bbażati numru ta’ tranżazzjonijiet legali. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma ħolqitx biss eċċezzjoni ġdida għar-Regolament 4064/89, li tippermetti li holding operations, indipendentement mill-kumpannija responsabbli li tipprovdi l-assi li għandhom jiġu ċeduti, jaħarbu mill-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, iżda neħħiet ukoll kull effett utli mill-Artikolu 3(5)(a) ta’ dan ir-regolament.
It-tieni nett, billi neħħiet l-kwalifika ta’ holding operation skont l-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament 4064/89, il-Qorti Ġenerali, f’kull każ, wettqet applikazzjoni żbaljata u parzjali tal-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament, limitata biss għal qari tal-elementi kuntrattwali li strutturaw it-tranżazzjoni ikkontestata.
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tindika żball ta’ liġi billi l-Qorti Ġenerali ma nislitx il-konsegwenzi ġuridiċi tal-ksur imwettaq mill-Kummissjoni. Billi żgurat li dan il-ksur tar-Regolament 4064/89 ikun eżenti minn kull stħarriġ, b’mod partikolari l-ksur tal-obbligu ta’ sospensjoni, in-nuqqas ta’ notifika li tiġġustifika l-kompetenza tal-Kummissjoni u l-frodi permezz tas-sostituzzjoni apparenti ta’ xerrej, il-Qorti Ġenerali aċċettat frodi tal-liġi, li hija simili għal abbuż ta’ poter mill-Kummissjoni.
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Editions Odile Jacob tinvoka żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali billi naqset milli tissanzjona permezz ta’ annullament ksur tal-forom proċedurali sostanzjali li jivvizzja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Dan l-aggravju jirrigwarda b’mod partikolari n-nuqqas ta’ motivazzjoni dwar il-kwalifika tat-tranżazzjoni kkontestata u l-applikabbiltà tal-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament 4064/89 għal parti minn din it-tranżazzjoni u tindika ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi.
Permezz tar-raba’ u l-aħħar aggravju tagħha, l-appellanti tindika żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li għamlet il-Qorti Ġenerali bi ksur tal-kriterji ġuridiċi rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti u tan-natura adegwata tal-impenji fir-rigward tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni.
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31).
Full & Egal Universal Law Academy