19.2.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 55/18
Appell ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2010 minn Usha Martin Ltd kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Settembru 2010 fil-Kawża T-119/06: Usha Martin Ltd vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-552/10 P)
2011/C 55/31
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Usha Martin Ltd (rappreżentanti: V. Akritidis, avukat, Y Melin, avukat, E. Petritsi, avukat)
Appellati: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
(1)
tannulla kollha kemm hi s-sentenza ċċitata iktar ’il fuq mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fid-9 ta’ Settembru 2010 fil-Kawża T-119/06;
(2)
tilqa’, billi tiddeċiedi hija stess b’mod definittiv,ir-rikors:
a)
għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Diċembru 2005, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/572/KE li taċċetta impenji offruti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ proċedimenti antidumping rigward importazzjonijiet ta’ ħbula tal-wajer tal-azzar u kejbils [tal-azzar] li joriġinaw, inter alia, mill-Indja (1) (id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din kienet tikkonċerna lill-appellanti u tirtira l-aċċettazzjoni ta’ impenn dwar il-prezzijiet minimi fis-seħħ preċedentement, u
b)
għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 121/2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1858/2005 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ wajer tal-azzar u kejbils [tal-azzar] li joriġinaw, inter alia, mill-Indja (2) (ir-“regolament ikkontestat”), sa fejn dan jikkonċerna lill-appellanti u jeżegwixxi d-deċiżjoni kkontestata li tirtira l-aċċettazzjoni ta’ impenn dwar il-prezzijiet minimi meħud preċedentement mill-appellanti
jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali.
(3)
tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jbatu, barra l-ispejjeż tagħhom, l-ispejjeż kollha sostnuti mill-appellanti fil-kuntest ta’ dan l-appell u quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fil-punti 44 sa 56 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari meta kkonstatat li l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira l-aċċettazzjoni ta’ impenn ma tistax, fiha nfisha, tiġi kkontestata fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ssostni b’mod żbaljat li: (i) il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma japplikax għad-deċiżjoni li jiġi rtirat impenn minħabba li tali deċiżjoni hija ekwivalenti għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping per se; u (ii) kull ksur huwa biżżejjed fih innifsu biex iwassal għal irtirar mingħajr ma tali rtirar ma jkun suġġett għall-kriterju tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
L-appellanti ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat evalwat il-fatti tal-kawża u interpretathom b’mod kunsiderevolment distort meta ddikjarat li “huwa paċifiku li […] ma [kienx hemm] osserva[nza] [ta]l-impenn” sa fejn din l-allegazzjoni timplika, b’mod żbaljat, aċċettazzjoni mill-appellanti ta’ ksur tal-impenn, quod non, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament antidumping bażiku.
L-appellanti sostni li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkonkludiet li l-legalità tal-irtirar tal-impenn ma tistax tiġi kkontestata fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kemm jekk fuq il-bażi li kull ksur huwa biżżejjed biex iwassal għall-irtirar jew inkella billi tassoċja l-miżura ta’ rtirar ma’ miżura li timponi dazji antidumping. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat tqis li l-prinċipju ta’ proprzjonalità qatt ma japplika fil-livell ta’ rtirar ta’ impenn u tonqos milli tapplika l-kriterju ta’ “inadegwatezza manifesta” ta’ miżura, kontrarjament għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qrati Ewropej u kontrarjament għall-osservazzjonijiet preliminari tas-sentenza appellata, b’mod partikolari l-punti 44 sa 47. Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi b’mod żbaljat li l-legalità tal-irtirar ta’ impenn fih innifhu ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, billi kkonstatat b’mod żbaljat li kien paċifiku bejn il-partijiet li ma kienx hemm osservanza tal-impenn, u b’dan il-mod implikat li kien hemm ksur ta’ impenn skont l-Artikolu 8 tar-Regolament antidumping bażiku, il-Qorti Ġenerali manifestament interpretat b’mod distort il-fatti tal-kawża, kif esposti mill-appellanti, u għaldaqstant, wettqet żball ta’ liġi billi evalwat b’mod żbaljat l-argumenti tal-appellanti.
(1) ĠU L 118M, 08.05.2007, p. 97
(2) ĠU L 270M, 29.09.2006, p. 67
Full & Egal Universal Law Academy