5.2.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 38/7
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Novembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża
(Kawża C-557/10)
2011/C 38/08
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: H. Støvlbæk u M. França, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża
Talbiet
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tiddikjara li, fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-ewwel pakkett ta’ liġijiet dwar il-ferrovija, ir-Repubblika Portugiża ma wettqitx l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE (1), tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (fil-verżjoni tagħha skont id-Direttiva 2001/12/KE (2)), tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 91/440/KEE u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14/KE (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà,
—
tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Amministrazzjoni indipendenti
L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/440 jinkludi lista ta’ deċiżjonijiet li l-impriżi ta’ trasport bil-ferrovija għandhom iwettqu mingħajr interferenza tal-Istat. Fost dawn id-deċiżjonjiet, huma inklużi dawk relatati mal-impjegati, mal-assi u mal-akkwiżizzjonijiet proprji. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom madankollu jittieħdu fl-ambitu tal-linji gwida ta’ politika ġenerali adottati mill-Istat. Madankollu, fil-Portugall, fir-rigward tal-impriża pubblika CP, minn naħa, l-Istat ma jistabbilixxix biss linji gwida strateġiċi ġenerali għall-akkwist u għat-trasferiment ta’ holdings f’kumpanniji oħra, iżda wkoll, min-naħa l-oħra, jimponi li d-deċiżjonijiet individwali ta’ akkwist jew ta’ trasferiment ta’ holdings fil-kapital ta’ kumpanniji jiddependu mill-approvazzjoni tal-Gvern. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li l-Portugall ma wettaqx l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/440 (kif emendata).
Ħlasijiet għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja
Skont l-Artikoli 7(3) tad-Direttiva 91/440 (kif emendata) u 6(1) tad-Direttiva 2001/12, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jiżguraw li l-kontijiet tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja ma jkollhomx żbilanċ. Madankollu, fil-Portugall, id-dħul mit-taxxi għall-użu tal-infrastruttura, il-finanzjament tal-Istat u dħul ieħor minn attivitajiet kummerċjali ma humiex suffiċjenti biex jibbilanċjaw il-kontijiet tal-amministratur tal-infrastruttura, l-impriża pubblika REFER E.P. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li l-Portugall ma wettax l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 91/440 (kif emendata) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341
(2) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Vol. 5, p. 376
(3) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404
Full & Egal Universal Law Academy