12.2.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 46/8
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Timișoara (ir-Rumanija) fit-8 ta’ Diċembru 2010 — Sergiu Alexandru Micșa vs Administrația Finanțelor Publice Lugoj, Direcția Generală a Finanțelor Publice Timiș, Administrația Fondului pentru Mediu
(Kawża C-573/10)
2011/C 46/12
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Qorti tar-rinviju
Curtea de Apel Timișoara
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Sergiu Alexandru Micșa
Konvenuti: Administrația Finanțelor Publice Lugoj, Direcția Generală a Finanțelor Publice Timiș, Administrația Fondului pentru Mediu.
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 110 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa fuq it-tniġġis, f’każ tal-ewwel reġistrazzjoni, fit-territorju nazzjonali, ta’ vetturi li għandhom ċerti karatteristiċi tekniċi stabbiliti b’mod preċiż, filwaqt li vetturi oħra huma suġġetti, skont il-liġi nazzjonali, għall-ħlas tat-taxxa?
(2)
Fil-każ fejn l-Artikolu 110 TFUE jipprekludi l-eżenzjoni, imsemmija fl-ewwel domanda, f’ċirkustanzi speċifiċi biss, jikkostitwixxi tali ċirkustanza l-fatt li t-totalità jew il-parti l-kbira jew sinjifikattiva tal-vetturi prodotti fit-territorju nazzjonali jkollhom karatteristiċi tekniċi li fuqhom hemm eżenzjoni (għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li tali karatteristiċi jinsabu wkoll fil-vetturi prodotti fi Stati Membri oħra tal-UE u anki għal dawn hija prevista l-eżenzjoni)?
(3)
Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta affermattiva għat-tieni domanda, liema huma l-karatteristiċi li għandu jkollu prodott sabiex jagħmluh simili, fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE, għal vettura li, b’mod kumulattiv, għandha l-karatteristiċi li ġejjin:
(a)
hija ġdida (jiġifieri ma ġietx mibjugħa qabel b’għan differenti minn dak tal-bejgħ mill-ġdid jew il-kunsinna tagħha u li għaldaqstant qatt ma ġiet irreġistrata) jew użata u li ġiet irreġistrata fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropa mill-15 ta’ Diċembru 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2009 inklużi;
(b)
kienet iddisinjata u mmanifatturata għall-ġarr ta’ passiġġieri u, barra mis-siġġu tas-sewwieq, għandha mhux iktar minn tmien postijiet bilqiegħda (vetturi tal-kategorija M1, skont il-leġiżlazzjoni Rumena) jew tkun ġiet iddisinjata u mmanifatturata għall-ġarr ta’ merkanzija ta’ piż massimu ta’ mhux iktar minn 3.5 tunnellati (vetturi tal-kategorija N1, skont il-leġiżlazzjoni Rumena);
(c)
taqa’ taħt ir-regola ta’ tniġġis Euro 4 u
(d)
għandha kapaċità taċ-ċilindru ta’ mhux iktar minn 2 000 cc (karatteristika li tikkonċerna unikament il-vetturi tal-kategorija M1)?
Full & Egal Universal Law Academy