5.3.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 72/5
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Diċembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
(Kawża C-574/10)
2011/C 72/08
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Wilms u C.Zadra, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
Talbiet tal-parti rikorrenti
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tikkonstata li l-konvenuta kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 9 u 20, flimkien mal-Artikoli 23 sa 55 tad-Direttiva 2004/18/KE (1), billi allokat servizzi ta’ arkitettura dwar ir-ristrutturazzjoni tal-Autalhalle permezz tal-komun ta’ Niedernhausen mingħajr proċedura għall-għoti ta’ kuntratt fl-Ewropa;
—
tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Is-suġġett tal-kawża preżenti jirrigwarda kuntratti għal servizzi bi ħlas relatati ma’ servizzi ta’ arkitettura li l-komun ta’ Niedernhausen, li huwa l-awtorità kontraenti, ikkonkluda ma’ uffiċċju ta’ arkitetti. Għalkemm is-servizzi ta’ arkitettura inkwistjoni jikkonċernaw proġett wieħed ta’ xogħlijiet, jiġifieri r-ristrutturazzjoni tal-Autalhalle, dawn ingħataw separatament bħala servizzi ta’ ppjanar għall-partijiet individwali tal-bini lill-istess uffiċċju ta’ arkitetti, mingħajr ma saret sejħa għal offerti fl-Ewropa. Konsegwentement, il-valuri tal-kuntratti ġew iddeterminati separatament fir-rigward tal-kuntratti individwali.
Il-kuntratti ta’ arkitettura jikkostitwixxu kuntratti bi ħlas għall-provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva 2004/48/KE. Is-servizzi ta’ arkitettura huma servizzi ta’ prijorità fis-sens tal-Anness IIA, Kategorija 12 tad-direttiva.
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-servizzi ta’ ppjanar inkwistjoni jikkostitwixxu kuntratt pubbliku wieħed, li fir-rigward tiegħu ma hemmx raġunijiet oġġettivi għat-tqassim f’kuntratti individwali separati. Dawn huma servizzi parzjali tar-ristrutturazzjoni ta’ bini wieħed, li tfasslu, ġew approvati u twettqu bħala proġett wieħed. Dawn iservu l-imsemmi għan uniku u huma marbuta mill-qrib, b’mod spazjali, ekonomiku u funzjonali. Għaldaqstant, l-ammont tal-kuntratt kellu jiġi ddeterminat abbażi tal-ammont kollu tas-servizzi arkitetturali akkwistati fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni. F’dan il-każ, l-ammont tal-kuntratt qabeż il-limitu speċifikat fl-Artikolu 7(b) tad-Direttiva 2004/18/EC, u kellha ssir sejħa għal offerti fl-Ewropa għall-kuntratt ta’ arkitettura.
L-istess ristrutturazzjoni tal-Autalhalle tikkostitwixxi kuntratt pubbliku għal xogħlijiet wieħed fis-sens tad-dritt Ewropew dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Dan jindika minn tal-inqas li anki s-servizzi ta’ ppjanar għandhom jitqiesu li huma kuntratt pubbliku wieħed. Jekk, bħal fil-każ inkwistjoni, is-servizzi arkitetturali huma konnessi ma’ kuntratt pubbliku wieħed għal xogħlijiet u l-kontenut tagħhom huwa ddeterminat mis-suġġett tax-xogħol ippjanat, ma hemm ebda raġuni għalfejn għandu jingħażel metodu ta’ kalkolu ieħor. Fil-fatt, is-servizzi arkitetturali huma sa ċertu punt accessorji meta mqabbla max-xogħlijiet. Il-Kummissjoni ma tara ebda raġuni għalfejn proġett wieħed ta’ xogħlijiet jeħtieġ diversi servizzi ta’ arkitettura.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-funzjoni ekonomika u teknika unika tal-partijiet individwali tal-kuntratt pubbliku hija indizju tal-eżistenza ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt wieħed. Minkejja li l-imsemmi kriterju funzjonali ġie żviluppat għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, il-Kummissjoni madankollu tikkunsidra li dan huwa wkoll applikabbli għal kuntratti pubbliċi għal servizzi. Il-kriterju tal-unità teknika u ekonomika tas-servizzi ta’ ppjanar għall-partijiet individwali tal-bini ġie osservat f’dan il-każ, peress li dan jirrigwarda r-ristruturazzjoni ta’ bini wieħed.
Tqassim kważi arbitrarju tal-kuntratti jmur kontra l-effett utli tad-direttiva. Fil-fatt, f’ħafna każijiet, dan ibaxxi superfiċjalment il-limitu u, b’hekk, jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza l-importanza tad-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għall-finijiet tal-moviment liberu tas-servizzi u tal-kompetizzjoni leali fl-Ewropa. “Diviżjoni” arbitrarja u irrazzjonali tal-kuntratti għal servizzi unitari tippreġudika dawn l-għanijiet.
Raġunijiet li huma stabbiliti mir-regoli tal-baġit għat-tqassim f’lottijiet ta’ xogħlijiet lanqas ma jiġġustifikawx it-tqassim artifiċjali tal-valur unitarju ta’ kuntratt. Li jitqies li kuntratt pubbliku unitarju li, għal motivi biss ta’ regoli dwar il-baġit jitwettaq f’diversi fażijiet, b’mod li jkun magħmul minn diversi kuntratti pubbliċi awtonomi għal dan il-motiv biss, u b’hekk ma jkunx jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, b’mod partikolari peress li l-Artikolu 9(3) jipprekludi dan it-tqassim artifiċjali ta’ kuntratt Pubbliku, imur kontra l-għanijiet tad-direttivi Ewropej dwar l-għoti ta’ kuntratti.
Bħala konklużjoni, huwa ċar li l-kuntratti inkwistjoni jirrappreżentaw kuntratt pubbliku wieħed li, meta ngħata l-kuntratt, il-valur tiegħu qabeż il-limitu stabbilit fid-direttiva. Għalhekk, dan il-kuntratt kellu jkun suġġett għal sejħa għal offerti fl-Ewropa u jingħata skont il-proċeduri stabbiliti fid-direttiva. Għalhekk, peress li naqset milli tivverifika dan, il-konvenuta kisret id-Direttiva 2004/18/KE.
(1) Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)
Full & Egal Universal Law Academy