19.2.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 55/19
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Diċembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi
(Kawża C-576/10)
2011/C 55/34
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. van Beek u C. Zadra, aġenti)
Konvenuta: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi
Talbiet
—
tiddikjara li, billi naqas milli jikkonforma ruħu mal-liġi tal-Unjoni Ewropea dwar il-kuntratti pubbliċi, b’mod partikolari d-Direttiva 2004/18/KE (1), fil-kuntest tal-għoti mill-awtorità lokali ta’ Eindhoven, ta’ konċessjoni għal xogħlijiet pubbliċi, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 2 u t-Titolu III tad-Direttiva 2004/18/KE;
—
tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni konkludiet li l-ftehim fuq il-kooperazzjoni bejn l-awtorità lokali ta’ Eindhoven u l-kumpannija Hurks Bouw en Vastgoed B.V., tal-11 ta’ Ġunju 2007, huwa konċessjoni għal xogħlijiet pubbliċi skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2004/18/KE.
Fid-dawl tal-fatt li l-konċessjoni għal xogħlijiet pubbliċi għandha valur totali li huwa ogħla mil-limitu tal-valur applikabbli, din imissha kienet suġġetta għal sejħa għal offerti skont id-Direttiva 2004/18/KE, b’mod partikolari l-Artikolu 2 u t-Titolu III tagħha. Barra minn hekk, il-kuntratti pubbliċi mogħtija minn Hurks Bouw en Vastgoed B.V. għal xogħlijiet li l-valur totali tagħhom jeċċedi l-limitu tal-valur applikabbli għandhom jiġu rreklamati skont l-Artikoli 63 sa 65 tad-Direttiva 2004/18/KE.
Il-fatt li l-awtorità lokali ta’ Eindhoven ma applikatx id-Direttiva 20014/18/KE, u b’mod partikolari l-Artikolu 2 u t-Titolu III tagħha, meta tat il-konċessjoni għal xogħlijiet pubbliċi inkwistjoni lil Hurks Bouw en Vastgoed B.V. twassal lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li l-każ jinvolvi ksur ta’ din id-direttiva.
Barra minn hekk il-Kummissjoni tikkonkludi li, fil-kuntest tal-għoti tal-konċessjoni għal xogħlijiet pubbliċi mill-awtorità lokali ta’ Eindhoven, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-liġi tal-Unjoni Ewropea fuq kuntratti pubbliċi, b’mod partikolari d-Direttiva 2004/18/KE, imposti mill-Artikolu 2 u mit-Titolu III ta’ din id-direttiva.
(1) Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)
Full & Egal Universal Law Academy