5.3.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 72/7
Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Diċembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju
(Kawża C-577/10)
2011/C 72/10
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. Traversa u C. Vrignon, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju
Talbiet tar-rikorrenti
—
tikkonstata li, billi adotta l-Artikolu 137 no 8, it-tielet inċiż tal-Artikolu 138, l-Artikolu 153 u l-Artikolu 157 no 3, tal-Liġi Programm (I) tas-27 ta’ Diċembru 2006 (1), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-1 ta’ April 2007, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
—
tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligu ta’ dikjarazzjoni minn qabel fuq fornituri ta’ servizzi indipendenti stabbiliti fi Stati Membri oħra (id-dikjarazzjoni “Limosa”), li jkunu jixtiequ joffru servizzi fil-Belġju fuq bażi temporanja, tikkostitwixxi ostaklu għall-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
Il-Kummissjoni tirrileva, fl-ewwel lok, li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu restrizzjoni ta’ natura diskriminatorja sa fejn, minn naħa, huma jimponu formalitajiet amministrattivi addizzjonali mhux negliġibbli u dissważivi fuq fornituri ta’ servizzi indipendenti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, huma jistabbilixxu sistema ta’ kontroll li tirrigwarda biss lill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru ieħor, meta din id-differenza fit-trattament ma hijiex iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi.
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega l-fatt li din ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anki li kieku ma tkunx diskriminatorja, ma hijiex iġġustifikata fir-rigward tal-għanijiet tal-interess ġenerali, la taż-żamma ta’ bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali, la tal-prevenzjoni tal-frodi, u lanqas tal-protezzjoni tal-ħaddiema.
(1) Moniteur belge tat-28 ta’ Diċembru 2006, p. 75178.
Full & Egal Universal Law Academy