5.3.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 72/9
Appell ippreżentat fit-13 ta’ Diċembru 2010 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija fit-30 ta’ Settembru 2010 mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-Kawża T-85/09, Yassin Abdullah Kadi vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-584/10 P)
2011/C 72/15
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Hetsch, S. Boelaert, E. Paasivirta u M. Konstantinidis, aġenti)
Partijiet oħra fil-proċedura: Yassin Abdullah Kadi, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Ir-Repubblika Franċiża, Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha;
—
tiċħad bħala infondat ir-rikors ta’ Yassin Abdullah Kadi għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1190/2008 (1) safejn dan jikkonċernah;
—
tikkundanna lil Yassin Abdullah Kadi għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni għal dan l-appell u għal proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni ssostni li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi peress li huma bbażati fuq livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju ġuridikament żbaljat. L-aggravji mressqa mill-Kummissjoni huma s-segwenti:
(1) Aggravji relatati mal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju applikabbli: il-Kummissjoni ssostni li l-livell ta’ stħarriġ ġudizzjarju adottat mill-Qorti Ġenerali huwa ġuridikament żbaljat peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar il-livell preċiż ta’ stħarriġ ġudizzjarju applikabbli għal din il-kawża u peress li l-livell partikolari ta’ stħarriġ ġudizzjarju adottat mill-Qorti Ġenerali ma jistax jintalab mill-Unjoni Ewropea.
(2) Aggravji relatati mal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjara effettiva kif ukoll tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità: il-Kummissjoni ssostni Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-proċeduri implementati mill-Kummissjoni ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli fil-qasam tad-drittijiet fundamentali għal din it-tip ta’ sistema ta’ miżuri restrittivi, li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat l-argument tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri nazzjonali mressqa minn Kadi fl-Istati Uniti, u li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat l-argumenti tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni amministrattiva u ta’ eżami mill-ġdid stabbiliti skont ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1822(2008) u 1904(2009) – inkluża l-proċedura ta’ Punt Ċentrali u l-Uffiċċju tal-Ombudsman.
(1) ĠU L 322, p. 25
Full & Egal Universal Law Academy