19.3.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 89/5
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (Il-Ġermanja) fil-15 ta’ Diċembru 2010 — Bianca Kücük vs Land Nordrhein-Westfalen
(Kawża C-586/10)
2011/C 89/09
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesarbeitsgericht
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Bianca Kücük
Konvenut: Land Nordrhein-Westfalen
Domandi preliminari
(1)
Il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP implementat bid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70, tat-28 ta’ Ġunju 1999 (1), tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik tal-punt 3 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tal-Liġi dwar ix-xogħol part-time u għal żmien determinat (Gesetz über Teilzeitarbeit und befristete Arbeitsverträge), li tipprovdi li t-tiġdid ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat huwa ġġustifikat għal raġuni oġġettiva meta ħaddiem jiġi sostitwit minn ħaddiem ieħor, li tiġi interpretata u applikata fis-sens li tali raġuni oġġettiva teżisti wkoll fil-każ ta’ bżonn permanenti ta’ sostituzzjoni, għalkemm il-bżonn ta’ sostituzzjoni jista’ wkoll jiġi kopert billi l-ħaddiem ikkonċernat jiġi impjegat għal żmien indeterminat sabiex jiġu żgurati sostituzzjonijiet li jirriżultaw minn indisponibbiltà regolari ta’ membri tal-persunal, iżda min iħaddem jirriżerva l-possibbiltà li kull darba jadotta deċiżjonijiet ġodda dwar kif għandu jaġixxi fin-nuqqas immedjat ta’ persunal?
Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:
(2)
Il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP implementat bid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70, tat-28 ta’ Ġunju 1999, tipprekludi l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni, imsemmija fl-ewwel domanda, ta’ dispożizzjoni nazzjonali, bħall-punt 3 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 14(1) tal-Liġi dwar ix-xogħol part-time u għal żmien determinat (Gesetz über Teilzeitarbeit und befristete Arbeitsverträge), fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-ewwel domanda, meta l-leġiżlatur nazzjonali jipprovdi, f’dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 21(1) tal-Liġi dwar l-allowances u leave parentali (Bundeselterngeld- und Elternzeit-gesetz), li relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat hija ġġustifikata minn sostituzzjoni peress li għandha għan ta’ politika soċjali intiż li jiffaċilita lill-persuni li jħaddmu li jagħtu leave speċjali u lill-ħaddiema li jibbenefikaw minn tali leave speċjali, b’mod partikolari għal raġunijiet relatati mal-ħarsien tal-maternità jew tat-trobbija tat-tfal?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.
Full & Egal Universal Law Academy