5.3.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 72/9
Appell ippreżentat fis-16 ta’ Diċembru 2010 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija fit-30 ta’ Settembru 2010 mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-Kawża T-85/09, Yassin Abdullah Kadi vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-593/10 P)
2011/C 72/16
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Bishop, E. Finnegan u R. Szostak, aġenti)
Partijiet oħra fil-proċedura: Yassin Abdullah Kadi, Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Franċiża, Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq
Talbiet tal-appellant
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-85/09;
—
tiċħad bħala infondat ir-rikors tal-appellat għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni 1190/2008 safejn dan jikkonċernah;
—
tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz ta’ dan l-appell il-Kunsill jikkontesta d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali. Il-Kunsill isostni li:
—
il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li r-regolament ikkontestat ma jibbenefikax minn immunità ġudizzjarja;
Sussidjarjament, il-Kunsill isostni li:
—
il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja billi kkunsidrat li l-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jsir għandu jkun “komplet u rigoruż” u billi rrikjediet il-komunikazzjoni tal-provi sottostanti lill-persuna jew lill-entità indikata kif ukoll lill-qrati tal-Unjoni bl-għan li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ dik il-persuna jew entità; u
—
il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset li debitament tirrikonoxxi l-istabbilment tal-Uffiċċju tal-Ombudsman mir-Riżoluzzjoni 1904(2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
Full & Egal Universal Law Academy