19.3.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 89/7
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Judecătoria Călărași (ir-Rumanija) fil-21 ta’ Diċembru 2010 — SC Volksbank România S.A. vs Autoritatea Națională pentru Protecția Consumatorilor — Comisariatul Județean pentru Protecția Consumatorilor Călărași
(Kawża C-602/10)
2011/C 89/13
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Qorti tar-rinviju
Judecătoria Călărași
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: SC Volksbank România S.A.
Konvenuti: Autoritatea Națională pentru Protecția Consumatorilor, Comisariatul Județean pentru Protecția Consumatorilor Călărași
Domandi preliminari
(1)
Sa fejn l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2008/48 (1) għandu jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jipprovdu li l-liġi nazzjonali li tittrasponi d-direttiva hija applikabbli wkoll għall-kuntratti konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dik il-liġi?
(2)
Sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 85(2) tal-OUG 50/2010 jikkostitwixxu traspożizzjoni adegwata tad-dispożizzjoni Komunitarja li hemm stabbilita fl-Artikolu 24[(1)] tad-Direttiva 2008/48, li jirrikjedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw proċeduri adegwati u effettivi għas-soluzzjoni bonarja ta’ tilwim mal-konsumaturi dwar kreditu għall-konsumatur?
(3)
Sa fejn l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat bħala li jistabbilixxi armonizzazzjoni totali fil-qasam tal-kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur, liema armonizzazzjoni ma tippermettix lill-Istati Membri:
3.1.
li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli li jinsabu fid-Direttiva 2008/48 għal kuntratti espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (bħall-kuntratti ta’ self b’ipoteka jew kuntratti li jirrigwardaw id-dritt ta’ proprjetà fuq immobbli) jew
3.2.
li jistabbilixxu obbligi addizzjonali għal istituzzjonijiet ta’ kreditu dwar it-tipi ta’ kummissjonijiet li dawn jistgħu jirċievu, jew il-kategoriji ta’ indiċijiet ta’ riferiment li għalihom tista’ tirreferi r-rata ta’ interessi varjabbli fil-kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni?
Jekk ir-risposta għad-domanda 3 hija negattiva, sa fejn il-prinċipji tal-moviment liberu tas-servizzi u tal-moviment liberu tal-kapital, b’mod ġenerali, u l-Artikoli 56, 58 u 63(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikolari, għandhom jiġi interpretati fis-sens li Stat Membru huwa prekluż milli jimponi fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu miżuri li jipprojbixxu fil-kuntratti ta’ kreditu għall-konsumatur l-applikazzjoni ta’ kummissjonijiet bankarji li ma humiex parti mil-lista ta’ kummissjonijiet permessi, sakemm dawn tal-aħħar ma jkunux definiti fil-leġiżlazzjoni tal-Istat inkwistjoni?
(1) Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, p. 66).
Full & Egal Universal Law Academy