5.3.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 72/12
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fit-22 ta’ Diċembru 2010 — Association nationale d’assistance aux frontières pour les étrangers (Anafé) vs Ministre de l’intérieur, de l’outre-mer, des collectivités territoriales et de l’immigration
(Kawża C-606/10)
2011/C 72/20
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Conseil d’État
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Association nationale d’assistance aux frontières pour les étrangers (Anafé).
Konvenut: Ministre de l’intérieur, de l’outre-mer, des collectivités territoriales et de l’immigration.
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (1) japplika għad-dħul mill-ġdid ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju ta’ Stat Membru li jkun ħareġ lil dan tal-aħħar permess temporanju ta’ residenza meta d-dħul mill-ġdid fit-territorju tiegħu la jkun jeħtieġ id-dħul, it-tranżitu u lanqas is-soġġorn fit-territorju ta’ Stati Membri oħra?
(2)
F’liema ċirkustanzi Stat Membru jista’ joħroġ liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi “viża ta’ dħul mill-ġdida” fis-sens tal-Artikolu 5(4)(a) tal-istess regolament? B’mod partikolari, din il-viża tista’ tillimita d-dħul biss għall-punti ta’ dħul fit-territorju nazzjonali?
(3)
Sa fejn ir-Regolament tal-15 ta’ Marzu 2006 jeskludi kwalunkwe possibbiltà ta’ dħul fit-territorju tal-Istati Membri għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kulma għandhom huwa permess temporanju ta’ residenza mogħti sakemm tiġi eżaminata l-ewwel talba għal permess ta’ residenza jew talba għall-ażil, kuntrarjament għal dak li kienu jippermettu d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, tad-19 ta’ Ġunju 1990, fil-verżjoni tagħha qabel ma ġiet emendata bir-regolament, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi jimponu l-ħtieġa li jiġu pprovduti miżuri tranżitorji għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu telqu mit-territorju tagħhom meta huma kellhom biss permess temporanju ta’ residenza maħruġ sakemm tiġi eżaminata l-ewwel talba għal permess ta’ residenza jew talba għall-ażil u li jkunu jixtiequ jerġgħu jidħlu wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-15 ta’ Marzu 2006?
(1) ĠU L 105, p. 1
Full & Egal Universal Law Academy