9.4.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 113/2
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg (Il-Ġermanja) fl-24 ta’ Diċembru 2010 — Südzucker AG vs Hauptzollamt Hamburg-Jonas
(Kawża C-608/10)
2011/C 113/02
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Finanzgericht Hamburg
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Südzucker AG
Konvenut: Hauptzollamt Hamburg-Jonas
Domandi preliminari
(1)
Il-proprjetarju ta’ ċertifikat ta’ esportazzjoni jkollu dritt għal rifużjoni fuq l-esportazzjoni biss jekk jiġi rreġistrat bħala esportatur fil-kaxxa 2 tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni li tkun ġiet ippreżentata quddiem l-uffiċċju doganali kompetenti (Artikolu 5(7) tar-Regolament Nru 800/1999 (1))?
(2)
Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: L-Artikolu 78(1) u (3) tal-Kodiċi Doganali (2) jawtorizza reviżjoni a posteriori tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni sabiex jiġi emendat l-isem tal-esportatur inkluż fil-kaxxa 2 ta’ din id-dikjarazzjoni, u l-awtoritajiet doganali huma marbuta, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, jirregolarizzaw is-sitwazzjoni u jwettqu rifużjoni fuq l-esportazzjoni?
(3)
Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv: L-awtoritajiet doganali jistgħu jirregolarizzaw direttament is-sitwazzjoni fis-sens tal-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali, jiġifieri jagħtu rifużjoni fuq l-esportazzjoni lill-esportatur mingħajr il-bżonn li tiġi rettifikata minn qabel id-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni?
(1) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 129).
(2) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).
Full & Egal Universal Law Academy