19.3.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 89/8
Appell ippreżentat fit-23 ta’ Diċembru 2010 minn Dieter C. Umbach mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fil-21 ta’ Ottubru 2010 fil-Kawża T-474/08, Dieter C. Umbach vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-609/10 P)
2011/C 89/16
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellant: Dieter C. Umbach (rappreżentant: M. Stephani, avukat)
Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellant
—
Tannulla l-ewwel punt tad-dispożittiv tas-sentenza mogħtija fil-21 ta’ Ottubru 2010 mill-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-474/08 (Umbach vs Il-Kummissjoni Ewropea);
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Nru SG.E.3/MV/psi D(2008) 6991, tat-2 ta’ Settembru 2008 u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.
Motivi u argumenti prinċipali
L-awtur tal-appell jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-21 ta’ Ottubru 2010, Umbach vs Il-Kummissjoni Ewropea (T-474/08) li tirrifjutalu aċċess sħiħ għal ċerti dokumenti marbuta ma’ kuntratt TACIS li jikkonċernah.
L-awtur tal-appell iqis li fuq il-bażi ta’ obbligi ta’ dritt primarju, partikolarment tal-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali, huwa għandu jingħata aċċess immedjat għad-dokumenti li jikkonċernawh, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda taġixxi kontra tiegħu għal ħlas quddiem qorti ta’ Stat Membru u huwa jeħtieġlu jaċċedi għal dawn l-atti u d-dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea sabiex ikun jista’ jiżgura d-difiża tiegħu.
Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni Ewropea tqis li huwa biss ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 li huwa applikabbli u li, f’dan ir-rigward, hija għandha dritt li tagħti biss aċċess limitat għad-dokumenti mitluba, jew tirrifjuta l-aċċess.
L-awtur tal-appell, filwaqt li jibbaża ruħu fuq ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, isostni li minkejja l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni Ewropea hija limitata, fid-dawl tad-drittijiet fundamentali tal-awtur tal-appell, li bħala konsegwenza tagħhom l-applikazzjoni tad-dritt derivat għandha twassal għall-istess konsegwenzi tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni hawn fuq imsemmija tal-Karta tad-drittijiet fundamentali.
Full & Egal Universal Law Academy