5.3.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 72/12
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja
(Kawża C-610/10)
2011/C 72/21
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Stromsky u C. Urraca Caviedes, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja
Talbiet
—
tiddikjara li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 91/1/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1989, dwar l-għajnuna mogħtija mill-Gvern Spanjol u mill-Gvernijiet tad-diversi komunitajiet awtonomi Spanjoli lil Magefesa, produttriċi ta’ oġġetti tad-dar magħmula mill-azzar li ma jissaddadx u ta’ strumenti elettriċi żgħar għad-dar (ĠU L 5, p. 18, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 91/1”), u taħt l-Artikolu 260 TFUE, peress li naqas milli jadotta l-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-499/99, Ġabra p. I-603; iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-2002”), dwar in-nuqqas tar-Renju ta’ Spanja li jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-direttiva msemmija.
—
tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja jħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità bl-ammont ta’ EUR 131 136 għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-2002, mill-ġurnata li fiha tingħata s-sentenza f’din il-kawża sal-ġurnata li fiha tiġi eżegwita kompletament is-sentenza tal-2002.
—
tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja jħallas lill-Kummissjoni somma ta’ ħlas f’daqqa, li l-ammont tagħha għandu jirriżulta mill-multiplikazzjoni ta’ somma għal kull ġurnata ta’ EUR 14 343 bin-numru ta’ ġranet li matulhom baqa’ jippersisti l-ksur u li jkunu għaddew bejn il-ġurnata li fih ngħatat is-sentenza tal-2002:
—
sal-ġurnata li fiha r-Renju ta’ Spanja jirkupra l-għajnuna ddikjarata illegali permezz tad-Deċiżjoni 91/1, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-irkupru effettivament sar qabel ma tingħata s-sentenza f’din il-kawża;
—
sal-ġurnata li fiha tingħata din is-sentenza jekk is-sentenza tal-2002 ma tkunx ġiet eżegwita kompletament qabel din il-ġurnata.
—
tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-miżuri adottati minn Spanja ma rriżultawx f’eżekuzzjoni immedjata tas-sentenza tal-2002 u tad-Deċiżjoni 91/1, u lanqas ma rriżultaw f’irkupru totali u immedjat tal-għajnuna illegali u inkompatibbli.
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-unika eċċezzjoni li Stat Membru jista’ jressaq kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija l-impossibbiltà assoluta li jeżegwixxi d-deċiżjoni b’mod korrett.
Fil-kawża ineżami, fil-korrispondenza voluminuża skambjata bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Spanjoli dwar il-miżuri adottati sabiex tiġi implementata d-Deċiżjoni 91/1, l-awtoritajiet Spanjoli qatt ma invokaw impossibbiltà assoluta li jeżegwixxu d-deċiżjoni msemmija u invokaw biss diffikultajiet interni vagi.
Full & Egal Universal Law Academy