26.3.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 95/2
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Barcelona (Spanja) fid-29 ta’ Diċembru 2010 — Banco Español de Crédito, S.A. vs Joaquín Calderón Camino
(Kawża C-618/10)
2011/C 95/03
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Audiencia Provincial de Barcelona.
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Banco Español de Crédito, S.A..
Konvenut: Joaquín Calderón Camino.
Domandi preliminari
(1)
Id-dirtt tal-Unjoni, u b’mod partikolari d-dritt tal-konsumaturi u tal-utenti, jipprekudi li qorti nazzjonali tevita li tiddeċiedi ex officio u in limine litis u f’kull mument tal-proċeduri, fuq in-nullità jew le u fuq ir-reviżjoni jew le ta’ klawżola ta’ interessi moratorji (f’dan il-każ ta’ 29 %) f’kuntratt ta’ self għall-konsum? Il-qorti tista’ tagħżel, mingħajr ma tikser id-drittijiet tal-konsumatur taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li tħalli l-eventwali eżami ta’ tali klawżola għall-inizjattiva tad-debitur (permezz tal-oppożizzjoni preċedurali adatta)?
(2)
Fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13/KEE (1) u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/22/KE (2), liema għandha tkun, għal dan il-għan, l-interpretazzjoni konformi tal-Artikolu 83 tar-Real Decreto Legislativo [Digriet Rjali Leġiżlattiv] Nru 1/2007 (li qabel kien l-Artikolu 8 tal-Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios [Liġi Ġenerali Nru 26/1984, tad-19 ta’ Lulju 1984, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti])? X’inhi l-portata, f’dan ir-rigward, tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13/KEE meta jistabbilixxi li l-klawżoli abbużivi “ma jkunux jorbtu lill-konsumatur”?
(3)
L-istħarriġ ġudizzjarju ex officio u in limine litis jista’ jiġi eskluż meta r-rikorrent jindika b’mod ċar, fit-talba tiegħu, ir-rata ta’ interessi moratorji, l-ammont tad-dejn, b’mod partikolari l-ammont prinċipali u l-interessi, il-penalitajiet kuntrattwali u l-ispejjeż, ir-rata ta’ interessi u l-perijodu li fir-rigward tiegħu dawn l-interessi huma mitluba (ħlief jekk interessi legali huma awtomatikament miżjuda mal-ammont prinċipali bis-saħħa tad-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini), il-kawża tal-azzjoni, inkluża deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi invokati bħala bażi tad-dejn u tal-intressi mitluba, u meta r-rikorrent jippreċiża jekk din hijiex rata ta’ interessi legali jew kuntrattwali, kapitalizzazzjoni tal-interessi, rata ta’ interessi tas-self, jekk din ġietx ikkalkolata mir-rikorrent, jew jekk din hijiex perċentwali ’il fuq mir-rata bażika tal-Bank Ċentrali Ewropew, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea?
(4)
Fin-nuqqas ta’ traspożizzjoni, l-Artikoli 5(l) u (m), 6 u 10(l) tad-Direttiva 2008/48/KE — meta jsemmu l-“arranġamenti għall-aġġustament” — jobbligaw lill-istituzzjoni finanzjarja tindika b’mod speċifiku u separat fil-kuntratt (u mhux fil-korp tat-text, b’mod indistint), b’mod ċar u viżibbli, bħala “informazzjoni prekuntrattwali”, ir-referimenti għar-rata ta’ interessi moratorji f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas kif ukoll l-elementi meqjusa għall-iffissar tagħha (spejjeż finanzjarji, ta’ rkupru …) u tinkludi twissija dwar il-konsegwenzi relatati mal-elementi ta’ spiża?
(5)
L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/48/KE jinkludi l-obbligu ta’ notifika tat-tmiem antiċipat tal-kreditu jew tas-self, li jippermetti l-applikazzjoni tal-interessi moratorji? Il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-arrikiment indebitu, stabbilt fl-Artikolu 7 tad-Direttive 2008/48/KE, huwa applikabbli meta l-istituzzjoni ta’ kreditu jkollha l-intenzjoni mhux biss tieħu lura l-beni (il-kapital tas-self), iżda wkoll tapplika interessi moratorji partikolarment għoljin?
(6)
Fin-nuqqas ta’ regola ta’ traspożizzjoni u fid-dawl tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2005/29/KE, il-qorti tista’ teżamina ex officio n-natura żleali tal-prattika li tikkonsisti fl-inklużjoni fit-test ta’ kuntratt ta’ klawżola ta’ interessi moratorji?
(1) tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).
(2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat- 23 ta’ April 2009, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU L 110, p. 30).
Full & Egal Universal Law Academy