12.3.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 80/13
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de première instance de Namur (il-Belġju) fit-22 ta’ Diċembru 2010 — Adrien Daxhelet vs L-Istat tal-Belġju — SPF Finances
(Kawża C-623/10)
2011/C 80/25
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Tribunal de première instance de Namur
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Adrien Daxhelet
Konvenut: L-Istat tal-Belġju — SPF Finances
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 6 tat-Titolu I “Dispożizzjonijiet Komuni” tat-Trattat ta’ Lisbona tat-13 ta’ Diċembru 2007 li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, iffirmat f’Maastricht fis-7 ta’ Frar 1992, u fis-seħħ mill-1 ta’ Diċembru 2009 (li jirriproduċi fil-parti l-kbira tiegħu d-dispożizzjonijiet li jinsabu taħt l-Artikolu 6 tat-Titolu I tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ffirmat f’Maastricht fis-7 ta’ Frar 1992, li min-naħa tiegħu daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1993) kif ukoll l-Artikolu 234 (li qabel kien l-Artikolu 177) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (Trattat KE) tal-25 ta’ Marzu 1957, minn naħa, u/jew l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Diċembru 2000, min-naħa l-oħra, jipprekludu liġi nazzjonali, f’dan il-każ l-Artikolu 9(2) tal-liġi Belġjana tas-6 ta’ Jannar 1989 dwar il-Qorti tal-Arbitraġġ (li bħalissa jisimha l-Qorti Kostituzzjonali) li timponi fuq il-qrati nazzjonali l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi mogħtija minn qorti superjuri tad-dritt nazzjonali (f’dan il-każ l-imsemmija Qorti Kostituzzjonali), fuq rikorsi għall-annullament tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jitressqu quddiemha, meta dawn ir-rikorsi huma bbażati fuq ksur tad-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea direttament u applikabbli primarjament fl-ordni ġuridika nazzjonali?
(2)
L-Artikolu 6 tat-Titolu I “Dispożizzjonijiet Komuni” tat-Trattat ta’ Lisbona tat- 13 ta’ Diċembru 2007 li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, iffirmat f’Maastricht fis-7 ta’ Frar 1992, u fis-seħħ mill-1 ta’ Diċembru 2009 (li jirriproduċi fil-parti l-kbira tiegħu d-dispożizzjonijiet li jinsabu taħt l-Artikolu 6 tat-Titolu I tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ffirmat f’Maastricht fis-7 ta’ Frar 1992, li min-naħa tiegħu daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1993) kif ukoll l-Artikolu 234 (li qabel kien l-Artikolu 177) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (Trattat KE) tal-25 ta’ Marzu 1957, minn naħa, u/jew l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Diċembru 2000, min-naħa l-oħra, jipprekludu liġi nazzjonali, f’dan il-każ l-Artikolu 26(4) tal-liġi Belġjana tas-6 ta’ Jannar 1989 dwar il-Qorti tal-Arbitraġġ (li bħalissa jisimha l-Qorti Kostituzzjonali), kif emendata bil-liġi tat-12 ta’ Lulju 2009, moqrija separatament jew flimkien mal-Artikolu 9(2) tal-imsemmija liġi speċjali tas-6 ta’ Jannar 1989, li timponi fuq il-qrati nazzjonali sabiex jippreżentaw lil qorti superjuri tad-dritt nazzjonali (f’dan il-każ l-imsemmija Qorti Kostituzzjonali), kull domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea direttament u applikabbli primarjament fl-ordni ġuridika nazzjonali, meta dawn id-dispożizzjonijiet huma stabbiliti wkoll fil-Kostituzzjoni nazzjonali u meta l-imsemmija qrati jippreżumu li dawn id-dispożizzjonijiet ġew miksura fil-kuntest tal-kawżi li tressqu quddiemhom, li jikkonferma li l-imsemmija qrati ġew miċħuda mill-possibbiltà li japplikaw immedjatament id-dritt tal-Unjoni Ewropea, għall-inqas fil-każ fejn l-imsemmija qorti superjuri diġà ddeċidiet fuq kwistjoni identika?
Full & Egal Universal Law Academy