2.4.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 103/13
Appell ippreżentat fit-28 ta’ Diċembru 2010 minn Kalliope Agapiou Joséphidès mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) mogħtija fil-21 ta’ Ottubru 2010 fil-Kawża T-439/08, Agapiou Joséphidès vs Il-Kummissjoni u EACEA
(Kawża C-626/10 P)
2011/C 103/22
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Kalliope Agapiou Joséphidès (rappreżentanti: C. Joséphidès u H. Joséphidès, avukati)
Partijiet l-oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Europea, L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-21 ta’ Ottubru 2010, fil-Kawża T-439/08;
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA), tal-1 ta’ Awwissu 2008, li tirrifjuta lill-appellanti l-aċċess għal ċerti dokumenti fil-fajl Nru 07/0122 dwar l-għoti ta’ Ċentru ta’ Eċċellenza Jean Monnet lill-Università ta’ Ċipru;
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 3749, tat-8 ta’ Awwissu 2007, dwar deċiżjoni individwali ta’ għoti ta’ sussidju fil-kuntest tal- Programm ta’ Tagħlim tul il-Ħajja, subprogramm Jean Monnet;
—
tikkundanna l-appellati għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka diversi aggravji insostenn tal-appell tagħha.
Kalliope Agapiou Joséphidès issostni l-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tad-dritt personali ġenerali tagħha għal aċċess għad-dokumenti li jikkonċernawha, tal-prinċipju ta’ trasparenza li jinsab fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE, tal-Artikolu 6 TUE, tal-Artikolu 255 KE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikoli 8, 41.2(b), 42 u 52.6). Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ proċedura billi injorat ir-riferimenti għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali pprovduti mill-appellanti matul is-seduta u billi injorat il-Konklużjonijiet tal-Ombudsman tar-Repubblika ta’ Ċipru, tat-3 ta’ Ġunju 2009, dwar ir-rifjut tal-Università ta’ Ċipru li tagħti aċċess għall-istess dokumenti kkontestati bħal dawk miżmuma mill-appellati.
L-appellanti tinvoka żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali inkwantu hija ddeċidiet, minn naħa, li l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) kienet kompetenti sabiex tipproċessa l-applikazzjoni konfermatorja għal aċċes għad-dokumenti u, min-naħa l-oħra, li tiċħad l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-deċiżjoni tal-Kumitat Amministrattiv tal-EACEA imqajma mill-appellanti.
Barra minn hekk, hija ssostni ksur ta’ diversi dispożizzjonjiet tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (1), li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod eċċessivament restrittiv u billi injorat il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza.
Ir-rikorrenti tinvoka wkoll aggravju bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ lealtà, ta’ koerenza, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ motivazzjoni.
Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma ddikjaratx l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 3749 tat-8 ta’ Awwissu 2008.
(1) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).
Full & Egal Universal Law Academy