2.4.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 103/13
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Diċembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tas-Slovenja
(Kawża C-627/10)
2011/C 103/23
Lingwa tal-kawża: is-Sloven
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: H. Støvlbæk u D. Kukovec, agenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika tas-Slovenja
Talbiet tar-rikorrenti
—
il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkonstata li r-Repubblika tas-Slovenja, f’dak li jirrigwarda t-twettiq tal-ewwel pakkett ferrovjarju, ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) u tal-Anness II tad-Direttiva 91/440/KEE (1) kif ġiet emendata, u tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14/KE (2); tal-Artikolu 6(2) sa (5), tal-Artikolu 7(3), tal-Artikolu 8(1); tal-Artikolu 11 u tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14/KE;
—
tikkundanna lir-Repubblika tas-Slovenja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika tas-Slovenja ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) u tal-Anness II tad-Direttiva 91/440/KEE, kif emendata, u tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2001/14/KE minħabba l-fatt li l-amministratur tal-infrastruttura, li jiggarantixxi s-servizzi tat-trasport ferrovjarju, jidderiġi t-traffiku tal-ferroviji u għalhekk jipparteċipa fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni rigward l-allokazzjoni tal-linji ferrovjarji jiġifieri tqassim skont il-kapaċitajiet.
Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika tas-Slovenja ma osservatx ukoll l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) sa (5) tad-Direttiva 2001/14/KE peress li naqset milli tagħti garanzija ta’ mekkaniżmu ta’ inċentivi għat-tnaqqis tal-ispejjeż għall-garanzija tal-infrastruttura u l-livell tad-drittijiet għall-aċċess.
Għalhekk il-Kummissjoni tafferma li r-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2001/14/KE peress li din ma pprovdietx metodu sabiex tikkalkola l-piżijiet għall-pakkett minimu tal-aċċess għall-binarju għal facilitajiet tas-servizzi li għandhom jigu stabbiliti abbażi tal-ispejjeż inkorsi direttament bħala riżultat tal-operazzjoni tas-servizz tal-ferrovija.
Ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14/KE peress li ma adottatx skema ta’ ħidma sabiex tinkoraġġixxi lill-impriżi tal-ferroviji u lill-amministraturi tal-infrastruttura jimminimizzaw it-telf u jtejbu l-ħidma tan-netwerk.
Ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14/KE peress li fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha ma pprovditx għall-verifika dwar jekk parti speċifika fis-suq tiflaħx għall-mark-ups sabiex ikun hemm irkupru sħiħ tal-ispejjeż sostnuti mill-amministratur tal-infrastruttura.
Ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14/KE peress li ma stabbilixxietx korp regolatorju li jieħu deċiżjonijiet indipendentement mill-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja u mill-applikanti.
(1) Direttiva tal-Kunsill tad-29 ta’ Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7 Vol. 1, p. 341.
(2) Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404.)
Full & Egal Universal Law Academy