Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-1 ta’ Ottubru 2010 – Affatato vs Azienda Sanitaria Provinciale di Cosenza
(Kawża C‑3/10)
“Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Klawżola 5 tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat – Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku – Kuntratti suċċessivi – Abbuż – Miżuri ta’ prevenzjoni – Sanzjonijiet – Trasformazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat – Projbizzjoni – Kumpens għad-dannu – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”
1. Domandi preliminari - Ammissibbiltà - Limiti - Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli(Artikolu 267 TFUE) (ara l-punti 27-33 u d-dispożittiv 1)
2. Politika soċjali - Ftehim Qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat - Direttiva 1999/70 - Miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-abbuż minn kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi (Artikolu 4(2) UE; Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 5) (ara l‑punti 50, 51 u d-dispożittiv 2)
3. Politika soċjali - Ftehim Qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat - Direttiva 1999/70 - Miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-abbuż minn kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi (Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness) (ara l-punti 59, 60, 63 u d-dispożittiv 3)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari - Tribunale di Rossano - Interpretazzjoni tal-klawżoli 2, 3, 4 u 5 tal-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368) - Kompatibbiltà ta’ ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il‑ħaddiema soċjalment utli/ħaddiema ta’ utilità pubblika - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li ma tiġix indikata l-kawża tal-ewwel kuntratt għal żmien determinat fir-rigward tal-ħaddiema tas-settur tat-tagħlim - Kunċett ta’ korpi tal-Istat - Inklużjoni ta’ persuna li tippreżenta l-karatteristiċi ta’ Poste Italiane SpA.
Dispożittiv
1)
L-ewwel tnax-il domanda preliminari magħmula mit-Tribunale di Rossano (l-Italja), permezz tad-deċiżjoni tat-21 ta’ Diċembru 2009, huma manifestament inammissibbli.
2)
Il-klawżola 5 tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li huwa anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li:
– hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista bl-Artikolu 36(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165, tat-30 ta’ Marzu 2001, li jipprovdi regoli ġenerali dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol fl-amministrazzjonijiet pubbliċi, li tipprojbixxi, fil-każ ta’ abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi min-naħa ta’ persuna li tħaddem li tifforma parti mis-settur pubbliku, li dawn jiġu ttrasformati f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, meta l-ordinament ġuridiku intern tal-Istat Membru kkonċernat jipprovdi, fis-settur inkwistjoni, miżuri effettivi oħrajn sabiex jiġi evitat, u jekk meħtieġ, issanzjonat l-abbuż minn kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa sa fejn il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni kif ukoll l-implementazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern jagħmluha miżura xierqa sabiex tipprevjeni u, jekk meħtieġ, tissanzjona l-abbuż mill-amministrazzjoni pubblika minn kuntratti jew minn relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien determinat suċċessivi;
– hija, bħala tali, bl-ebda mod ma tista’ taffettwa l-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali, u lanqas il-funzjonijiet essenzjali tal-Istat Membru kkonċernat fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE.
3)
L-imsemmi ftehim qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri previsti minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex jissanzjonaw l-abbuż minn kuntratti jew minn relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien determinat ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna u lanqas ma għandhom jagħmlu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa sa fejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern intiżi li jissanzjonaw l-abbuż mill-amministrazzjoni pubblika minn kuntratti jew minn relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien determinat suċċessivi humiex konformi ma’ dawn il-prinċipji.
Full & Egal Universal Law Academy