Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-16 ta’ Frar 2012 — Ferazzoli et vs Ministero dell’Interno
(Kawżi magħquda C-164/10 sa C-176/10)
“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Logħob tal-ażżard — Ġbir ta’ mħatri fuq avvenimenti sportivi — Rekwiżit ta’ liċenzja — Konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn ksur tad-dritt tal-Unjoni fl-għoti tal-liċenzji — Għoti ta’ 16 300 liċenzja addizzjonali — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u obbligu ta’ trasparenza — Prinċipju ta’ ċertezza legali — Protezzjoni tad-detenturi tal-liċenzji preċedenti — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Distanzi minimi obbligatorji bejn il-postijiet fejn isir il-ġbir ta’ mħatri — Ammissibbiltà — Attivitajiet transkonfinali simili għal dawk li huma s-suġġett tal-liċenzja — Projbizzjoni mil-leġiżlazzjoni nazzjonali — Ammissibbiltà”
1. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, il-ġbir ta’ mħatri fl-assenza ta’ liċenzja jew ta’ awtorizzazzjoni — Rifjut ta’ liċenzja jew ta’ awtorizzazzjoni bi ksur tad-dritt tal-Unjoni — Għoti ta’ liċenzji ġodda sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rettifikata — Obbligu għall-operaturi l-ġodda li josservaw distanzi minimi ta’ fejn jiġu stabbiliti l-postijiet — Inammissibbiltà (Artikoli 43 KE u 49 KE) (ara l-punt 8, u d-dispożittiv 1)
2. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-ġbir ta’ mħatri fl-assenza ta’ liċenzja jew ta’ awtorizzazzjoni mill-pulizija — Esklużjoni ta’ operatur minn sejħa għal offerti intiża għall-għoti ta’ tali liċenzja, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni — Applikazzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali lil persuni marbuta ma’ tali operatur, li jaġixxu mingħajr awtorizzazzjoni mill-pulizija — Inammissibbiltà minħabba n-nuqqas ta’ rimedju effettiv għall-esklużjoni illegali ta’ dan l-operatur minn sejħa għal offerti preċedenti (Artikoli 43 KE u 49 KE) (ara l-punt 9, u d-dispożittiv 2)
3. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Libertà ta’ stabbiliment — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, il-ġbir ta’ mħatri fl-assenza ta’ liċenzja jew ta’ awtorizzazzjoni — Kundizzjonijiet għad-dekadenza ta’ liċenzji mogħtija wara t-tmiem ta’ sejħa għal offerti — Obbligu ta’ formulazzjoni ċara, preċiża u inekwivoka ta’ dawn il-kundizzjonijiet u osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali (Artikoli 43 KE u 49 KE) (ara l-punt 10, u d-dispożittiv 3)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Tribunale Amministrativo Regionale del Lazio — Moviment liberu tal-persuni — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attività ta’ ġbir ta’ mħatri — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-eżerċizzju tal-attività ta’ ġbir ta’ mħatri għall-operaturi nazzjonali li jkunu kisbu liċenzji — Restrizzjonijiet għall-ftuħ ta’ postijiet ġodda fejn isir il-ġbir ta’ mħatri għall-proprjetarji tal-liċenzji ġodda — Telf tal-liċenzji fil-każ ta’ organizzazzjoni transkonfinali ta’ logħob simili għal dawk ikkunsidrati bħala “pubbliċi” — Kompatibbiltà mal-Artikoli 43 u 49 KE.
Dispożittiv
1)
L-Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil Stat Membru li jkun, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, eskluda kategorija ta’ operaturi mill-għoti ta’ liċenzji għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika, u li jipprova jirrimedja għal dan il-ksur billi joħroġ sejħa għal offerti għal numru kunsiderevoli ta’ liċenzji ġodda, milli jipproteġi l-pożizzjonijiet kummerċjali miksuba mill-operaturi eżistenti billi jipprevedi b’mod partikolari distanzi minimi bejn il-postijiet tad-detenturi ġodda u dawk tal-operaturi eżistenti.
2)
L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attività organizzata ta’ ġbir ta’ mħatri mingħajr liċenzja jew mingħajr awtorizzazzjoni mill-pulizija lil persuni assoċjati ma’ operatur li jkun ġie eskluż minn sejħa għal offerti bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, anki wara s-sejħa għal offerti ġdida intiża sabiex tirrimedja għal dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn din is-sejħa għal offerti u l-għoti konsegwenti ta’ liċenzji ġodda ma jkunux irrimedjaw effettivament għall-esklużjoni illegali tal-imsemmi operatur mis-sejħa għal offerti preċedenti.
3)
Mill-Artikoli 43 KE u 49 KE, mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, mill-obbligu ta’ trasparenza kif ukoll mill-prinċipju ta’ ċertezza legali jirriżulta li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ sejħa għal offerti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jipprevedu d-dekadenza tal-liċenzji mogħtija fi tmiem tali sejħa għal offerti, bħalma huma dawk li jidhru fl-Artikolu 23(2)(a) u (3) tal-abbozz ta’ ftehim bejn l-amministrazzjoni awtonoma tal-monopolji tal-Istat u l-awtorità kontraenti tal-liċenzji dwar logħob tal-ażżard marbut mal-avvenimenti li ma jinkludux it-tiġrijiet taż-żwiemel, għandhom jiġu fformulati b’mod ċar, preċiż u inekwivoku, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.
Full & Egal Universal Law Academy