Kawża C-193/10
KMB Europe BV
vs
Hauptzollamt Duisburg
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf)
“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura — Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura Magħquda — Klassifikazzjoni tariffarja — MP3/multimedia player — Intestatura 8521— Tagħmir ta’ reġistrazzjoni jew riproduzzjoni vidjo”
Sommarju tad-digriet
Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — MP3/multimedia player
(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87 , Intestatura 8521)
L‑intestatura 8521 tan‑Nomenklatura Magħquda li tinsab fl‑Anness I tar‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat‑23 ta’ Lulju 1987, dwar in‑nomenklatura tat‑tariffa u l‑istatistika u dwar it‑Tariffa Doganali Komuni, kif emendat bir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006, għandha tiġi interpretata fis‑sens li huma esklużi minn din l‑intestatura l‑MP3/multimedia players, li l‑funzjoni prinċipali li tikkaratterizza t‑totalità ta’ tali apparat tikkonsisti fir‑reġistrazzjoni u l‑produzzjoni ta’ ħoss.
(ara l-punt 26 u d-dispożittiv)
DIGRIET TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)
9 ta’ Diċembru 2010 (*)
“L‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 104(3) tar‑Regoli tal‑Proċedura – Tariffa Doganali Komuni − Nomenklatura Magħquda − Klassifikazzjoni tariffarja – MP3/multimedia player – Intestatura 8521– Tagħmir ta’ reġistrazzjoni jew riproduzzjoni vidjo”
Fil‑Kawża C‑193/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill‑Finanzgericht Düsseldorf (il‑Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ April 2010, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fid‑19 ta’ April 2010, fil‑proċedura
KMB Europe BV
vs
Hauptzollamt Duisburg,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),
komposta minn K. Schiemann, President tal‑Awla, L. Bay Larsen u A. Prechal (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
peress li l‑Qorti tal‑Ġustizzja qed tipproponi li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat skont l‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 104(3) tar‑Regoli tal‑Proċedura tagħha,
wara li semgħet lill‑Avukat Ġenerali,
tagħti l‑preżenti
Digriet
1 It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal‑Intestatura 8521 tan‑Nomenklatura Magħquda li tinsab fl‑Anness I tar‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat‑23 ta’ Lulju 1987, dwar in‑nomenklatura tat‑tariffa u l‑istatistika u dwar it‑Tariffa Doganali Komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006, tas‑17 ta’ Ottubru 2006 (ĠU L 301, p. 1, iktar ’il quddiem in‑“NM”).
2 Din it‑talba tressqet fil‑kuntest ta’ kawża bejn KMB Europe BV (iktar ’il quddiem “KMB Europe”), rikorrenti fil‑kawża prinċipali, u l‑Hauptzollamt Duisburg (Uffiċċju Prinċipali tad‑Dwana ta’ Duisburg), konvenut fil‑kawża prinċipali, dwar il‑klassifikazzjoni tariffarja ta’ MP3/multimedia players.
Il‑kuntest ġuridiku
3 L‑ewwel parti tan‑NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il‑parti, taħt it‑Taqsima I, li fiha jinsabu r‑regoli ġenerali, il‑Parti A, intitolata “Regoli ġenerali għall‑interpretazzjoni tan‑[NM]”, tipprovdi kif ġej:
“Il‑klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin‑[NM] għanda tkun irregolata mill‑prinċipji li ġejjin:
1. It‑titoli tat‑taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall‑ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il‑klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it‑termini ta’ l‑intestaturi u n‑noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l‑intestaturi jew in‑noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id‑dispożizzjonijiet li ġejjin.
[…]”
4 It‑tieni parti tan‑NM, li tinkludi t‑Taqsima XVI bl‑isem “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; bċejjeċ tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l‑ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l‑oġġetti” hija ppreċeduta min‑noti. Skont in‑nota 3 ta’ din it‑taqsima:
“Sakemm il‑kuntest ma jesiġix mod ieħor, magni komposti magħmulin minn żewġ magni jew aktar mwaħħlin flimkien biex jagħmlu waħda u magni oħrajn maħsubin bil‑għan li jagħmlu żewġ funzjonijiet kumplimentari jew alternattivi jew aktar għandhom jiġu kklassifikati daqslikieku magħmulin biss minn dak il‑komponent jew huma dik il‑magna li tagħmel il‑funzjoni prinċipali.”
5 L‑imsemmija Taqsima XVI tinkludi l‑Kapitolu 85, intitolat “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; bċejjeċ tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l‑ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l‑oġġetti”. Dan il‑kapitolu fih b’mod partikolari, l‑intestatura 8519, intitolata “Tagħmir ta’ reġistrazzjoni tal‑ħoss jew ta’ riproduzzjoni tal‑ħoss” u s‑subintestatura 8519 89 90, intitolata “Oħrajn”, kif ukoll l‑intestatura 8521, intitolata “Apparat għar‑reġistrazzjoni u għar‑riproduzzjoni tal‑vidjo, sew jekk jinkorporaw tjuner tal‑vidjo u sew jekk le” u s‑subintestatura 8521 90 00, intitolata “Oħrajn”.
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
6 KMB Europe talbet, fil‑5 ta’ April 2007, liż-Zollamt Emmerich (Uffiċċju tad‑Dwana ta’ Emmerich), ir‑rilaxx ta’ kunsinna ta’ apparat elettroniku ta’ oriġini Ċiniża li ġej minn Hong Kong (iċ‑Ċina), li hija ddikjarat bħala Mp3 players li jaqgħu taħt is‑subintestatura 8519 89 90 tan‑NM. L‑imsemmi Zollamt ħa xi kampjuni tal‑kunsinna u rrilaxxaha, skont it‑talba magħmula bili ġabar id‑dazji doganali previsti bir‑rata ta’ 2 %.
7 Skont il‑konstatazzjonijiet tal‑qorti tar‑rinviju, il‑merkanzija inkwistjoni fil‑kawża prinċipali hija taħlita ta’ prodotti ppakkjati f’kaxxa tal‑kartun u komposta kif ġej:
– apparat deskritt fuq il‑kaxxa ta’ barra tiegħu bħala MP3/multimedia player f’kaxxa b’tul ta’ 90 mm, wisa’ ta’ 40 mm u ħxuna ta’ 8 mm. Din il‑kaxxa fiha bilanċjatur tal‑frekwenzi, skrin ta’ kristalli likwidi (LCD), (27 x 28 mm, b’qies djagonali ta’ 8 mm jew 1,65 pulzier), memorja “flash” (fir‑rigward tal‑verżjonijiet 512 MB jew 1 GB), batteriji li jistgħu jiġu ċċarġjati, sokit għal headphones, sokit USB 2.0 u xi buttuni ta’ kontroll;
– kejbil USB;
– par headphones;
– transformer li jiċċarġja l‑batteriji;
– wajer għax‑xandir;
– CD bil‑programmi. Permezz ta’ wieħed minn dawn il‑programmi, il‑vidjos b’format differenti jistgħu jiġu kkonvertiti f’format AMV, u
– istruzzjonijiet.
8 Mill‑konstatazzjonijiet tal‑qorti tar‑rinviju jirriżulta li l‑MP3/multimedia player jista’:
– jaqra l‑fajls awdjo, b’mod partikolari dawk li għandhom il‑format MP1, MP2, MP3, WMA, WMV, ASF, WAV;
– jirreġistra l‑fajls awdjo permezz ta’ mikrofonu integrat bil‑format WAV u ACT;
– iqiegħed il‑memorja tiegħu għad‑dispożizzjoni ta’ kompjuter, bħala memorja supplementari, permezz ta’ kejbil USB;
– juri l-istampi taħt il‑format JEPG, u
– jaqra l‑vidjos taħt il‑format li ma għandux bżonn liċenzja AMV b’riżoluzzjoni ta’ 208 x 176 pixels u bi frekwenza ta’ 16 stampa kull seconda, jew b’riżoluzzjoni u frekwenza ta’ stampi inqas.
9 Iż‑Zollamt Emmerich bagħat lill‑Oberfinanzdirektion Köln, Zolltechnische Prüfungs‑ und Lehranstalt (Dipartiment ta’ Verifika u Taħriġ Doganali tad‑Dipartiment Reġjonali tal‑Finanzi ta’ Cologne) il‑kampjuni miġbura sabiex jiġu eżaminati. Dan tal‑aħħar ikkunsidra, fir‑rapport tal‑esperti tiegħu tas‑16 ta’ Mejju 2007, li l‑merkanzija kienet ikkostitwita minn apparat vidjo li jaqa’ taħt is‑subintestatura 8521 90 00 tan‑NM. Il‑Hauptzollamt Duisburg qabel ma’ din l‑evalwazzjoni, u żamm lil KMB Europe responsabbli, b’deċiżjoni tal‑25 ta’ Lulju 2007, għall‑ħlas ta’ ammont totali ta’ EUR 16 752,77 abbażi tal‑irkupru a posteriori tad‑dazji doganali.
10 Wara ċ‑ċaħda tal‑ilment tagħha, KMB Europe kkontestat il‑klassifikazzjoni tal‑merkanzija inwkistjoni fil‑kawża prinċipali taħt l‑intestatura 8521 tan‑NM, quddiem il‑qorti tar‑rinviju.
11 Quddiem l‑imsemmija qorti, il‑Hauptzollamt Duisburg qies li l‑apparat inkwistjoni fil‑kawża prinċipali jikkorrispondi għat‑termini li jiddefinixxu l‑instestatura 8521, li teħtieġ biss li l‑apparat vidjo jkun jista’ jirreġistra jew jipproduċi stampa jew ħoss. Fl‑opinjoni tiegħu, l‑imsemmi apparat ma jikkostitwixxix tagħqid ta’ apparat li jipproduċi awdjo u apparat li jipproduċi stampi, fis‑sens li la n‑nota 3 tat‑Taqsima XVI tan‑NM u lanqas ir‑regola ġenerali 3(b) ma jkunu applikabbli.
12 Bil‑kontra, KMB Europe issostni li l‑apparat inkwistjoni fil‑kawża prinċipali jaqa’ taħt l‑intestatura 8519 tan‑NM. L‑imsemmi apparat ikollu fil‑fatt żewġ funzjonijiet, li fosthom il‑funzjoni awdjo tirrapreżenta l‑funzjoni prinċipali. Il‑funzjoni vidjo, minn naħa tagħha, hija biss limitata ħafna u sekondarja.
13 Peress li s‑soluzzjoni tal‑kawża teħtieġ l‑interpretazzjoni tal‑intestatura 8521 tan‑NM, il‑Finanzgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domanda preliminari li ġejja:
“L‑intestatura 8521 tan‑[NM], għandha tiġi interpretata fis‑sens li apparat bħall‑apparat bħal MP3/multimedia player [inkwistjoni fil‑kawża prinċipali], huwa eskluż minn din l‑intestatura minħabba li għandu jsir riferiment għall‑funzjoni prinċipali tal‑apparat li jipproduċi l‑ħoss jew minħabba li l‑kapaċità ta’ dan l‑apparat li jipproduċi immaġini fissi u films hija limitata għal screen żgħir b’riżoluzzjoni baxxa u bi frekwenza ta’ immaġini baxxa?”
Fuq id‑domanda preliminari
14 Skont l‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 104(3) tar‑Regoli tal‑Proċedura, fil‑każ li t‑tweġiba għal domanda għal deċiżjoni preliminari tkun tista’ kjarament tiġi dedotta mill‑ġurisprudenza, il‑Qorti tal‑Ġustizzja tista’, wara li tkun semgħet lill‑Avukat Ġenerali, tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, li jkun fih referenza għall‑ġurisprudenza kkonċernata.
15 Il‑Qorti tal‑Ġustizzja tqis li dan huwa l‑każ fil‑kawża prinċipali.
16 Permezz tad‑domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l‑intestatura 8521 tan‑NM għandhiex tiġi interpretata fis‑sens li huma esklużi minn din l‑intestatura l‑MP3/multimedia players bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali.
17 Għandu jiġi mfakkar li, fl‑interess taċ‑ċertezza legali u tal‑faċilità tal‑kontrolli, il‑kriterju deċiżiv għall‑klassifikazzjoni tariffarja tal‑merkanziji għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil‑karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi, kif iddefiniti mill‑kliem tal‑intestatura tan‑NM u tan‑noti tat‑taqsima jew tal‑kapitolu (ara s‑sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2009, Dinter u Europol Frost‑Food, C‑522/07 u C‑65/08, Ġabra p. I‑10333, punt 29 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).
18 Fir‑rigward tat‑termini tal‑intestatura 8521 tan‑NM, għandu jiġi rrilevat li dawn jirreferu għall‑apparat ta’ reġistrazzjoni “jew” li jipproduċi l‑vidjo. Minn dan jirriżulta li l‑MP3/multimedia players bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala esklużi mill‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l‑intestatura minħabba l‑fatt li jistgħu biss jipproduċu l‑vidjos u ma jistgħux jirreġistrawhom.
19 Barra minn hekk, l‑ebda kriterju speċifiku ta’ kwalità ma huwa stabbilit fit‑titolu tal‑intestatura 8521. Isegwi li l‑kapaċità limitata tal‑MP3/Multemedia players, bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, sabiex jipproduċu l‑istampi jew il‑films fuq skrin żgħir b’riżoluzzjoni baxxa u bi frekwenza dgħajfa ma tistax, fiha nnfisha, tkun suffiċjenti sabiex l‑imsemmija players joħorġu mill‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑imsemmija intestatura, peress li, hekk kif jirriżulta mid‑deċiżjoni tar‑rinviju, huwa paċifiku li l‑istampi animati bil‑mużika taħt il‑forma ta’ film qasir huma identifikabbli faċilment.
20 Fir‑rigward tal‑kwistjoni sabiex isir magħruf jekk l‑MP3/multimedia players bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, jistgħux jaqgħu, jekk ikun il‑każ, taħt l‑intestatura 8521 tan‑NM, b’rigward tal‑funzjoni prinċipali tagħhom ta’ apparat li jipproduċi l‑ħoss, għandu jiġi mfakkar li l‑użu li għalih prodott huwa intiż jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv, fir‑rigward tal‑klassifikazzjoni tariffarja, sakemm dan ikun inerenti għal dan il‑prodott u din l‑inerenza għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il‑karatteristiċi u l‑kwalitajiet oġġettivi tiegħu (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2005, Ikegami, C‑467/03,Ġabra p. I‑2389, punt 23 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
21 Hekk kif jirriżulta mid‑deskrizzjoni tal‑imsemmija MP3/multimedia players, fil‑punti 7 u 8 ta’ dan id‑digriet, l‑għan tal‑imsemmija players, ma huwiex biss li jaqra l‑fajls awdjo, indipendentement minn kull qari tal‑vidjos. Dan l‑għan tal‑aħħar, inerenti għall‑apparat inkwistjoni fil‑kawża prinċipali peress li jirriżulta mill‑propretajiet oġġettivi tagħhom u, b’mod partikolari, mill‑formats differenti li fihom dawn jistgħu jaqraw il‑fajls awdjo, huwa ta’ natura li jeskludi li dan l‑apparat jikkorrispondi kompletament għat‑termini tal‑intestatura 8521 tan‑NM.
22 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, minħabba din il‑funzjoni ta’ qari tal‑fajls awdjo, l‑MP3/multimedia players inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu a priori jikkorrispondu wkoll għat‑termini tal‑intestatura 8519 li tirreferi għall‑apparat ta’ reġistrazzjoni u/jew li jipproduċu l‑ħoss.
23 F’dawn iċ‑ċirkustanzi, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni n‑nota 3 tat‑Taqsima XVI tan‑NM, sabiex isseħħ il‑klassifikazzjoni fiha tal‑imsemmija MP3/multimedia players.
24 Skont l‑imsemmija nota, il‑magni prodotti sabiex jiżguraw żewġ jew diversi funzjonijiet differenti, alternattivi jew supplementari, huma kklassifikati skont il‑funzjoni prinċipali li tikkaratterizza t‑totalità tagħhom.
25 Issa, hekk kif jirriżulta mid‑deċiżjoni tar‑rinviju, il‑funzjoni prinċipali tal‑MP3/multimedia players, bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, tistrieħ, skont il‑konstatazzjonijiet tal‑qorti tar‑rinviju stess, fil‑funzjoni ta’ reġistrazzjoni u produzzjoni ta’ ħoss, u dan minħabba l‑kwalità limitata tal‑funzjoni vidjo tiegħu.
26 Konsegwentement, hemm lok li r‑risposta għad‑domanda tkun li l‑intestatura 8521 tan‑NM, għandha tiġi interpretata fis‑sens li huma esklużi minn din l‑intestatura l‑MP3/multimedia players, bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, li l‑qorti tar‑rinviju tikkonstata li l‑funzjoni prinċipali li tikkaratterizza t‑totalità ta’ tali apparat tikkonsisti fir‑reġistrazzjoni u l‑produzzjoni ta’ ħoss.
Fuq l‑ispejjeż
27 Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija din il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L‑intestatura 8521 tan‑Nomenklatura Magħquda li tinsab fl‑Anness I tar‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat‑23 ta’ Lulju 1987, dwar in‑nomenklatura tat‑tariffa u l‑istatistika u dwar it‑Tariffa Doganali Komuni, kif emendat bir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006, tas‑17 ta’ Ottubru 2006, għandha tiġi interpretata fis‑sens li huma esklużi minn din l‑intestatura l‑MP3/multimedia players, bħal dawk inwkistjoni fil‑kawża prinċipali, fejn il‑qorti tar‑rinviju għandha tikkonstata li l‑funzjoni prinċipali li tikkaratterizza t‑totalità ta’ tali apparat tikkonsisti fir‑reġistrazzjoni u l‑produzzjoni ta’ ħoss.
Firem
* Lingwa tal‑kawża: il‑Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy