Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-18 ta’ Jannar 2011 – Berkizi-Nikolakaki vs Anotato Symvoulio epilogis prosopikou u Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis
(Kawża C‑272/10)
“Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura – Politika soċjali – Artikolu 155(2) TFUE – Direttiva 1999/70/KE – Klawżola 8 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien determinat – Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku – Kuntratti suċċessivi – Abbuż – Sanzjonijiet – Trasformazzjoni f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat – Regoli proċedurali – Terminu ta’ dekadenza – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema”
1. Politika soċjali - Ftehim Qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat - Direttiva 1999/70 - Miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi (Artikolu 155(2) TFUE; Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness) (ara l-punti 32, 33, 37, 38, 44, 45, 48, 49, 51-61 u d-dispożittiv 1)
2. Politika soċjali - Ftehim Qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat - Direttiva 1999/70 - Projbizzjoni ta’ tnaqqis tal‑livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fil-qasam kopert mill‑imsemmi ftehim (Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 8, punt 3) (ara l‑punti 69, 74, 76, 77 u d-dispożittiv 2)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari - Dioikitiko Efeteio Thessalonikis - Interpretazzjoni tal-klawżola 8(3) tal-Anness għad-Direttiva tal‑Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368) - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi terminu ta’ dekadenza sabiex il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jiġu ttrasformati f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat.
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 155(2) TFUE u l-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness għad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall‑Artikolu 11(2) tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004, li jistabilixxi dispożizzjonijiet għall-ħaddiema impjegati fuq il-bażi ta’ kuntratti għal żmien determinat fis‑settur pubbliku, li tipprovdi li t-talba minn ħaddiem għat-trasformazzjoni f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat ta’ sensiela ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala abbużivi għandha tiġi ppreżentata quddiem l-awtorità kompetenti f’terminu ta’ dekadenza ta’ xahrejn li jibda jiddekorri mid-dħul fis‑seħħ tad-digriet imsemmi, bil‑kundizzjoni li dan it-terminu, li għandha tivverifikah il‑qorti tar-rinviju, ma jkunx inqas favorevoli minn dak mogħti fir-rigward ta’ azzjonijiet simili fl‑ambitu tad-dritt nazzjonali fir-rigward tad-dritt industrijali u ma jrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l‑eżerċizzju tad‑drittijiet mogħtija mid‑dritt tal-Unjoni.
2)
Il-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien determinat għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 11(2) tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004, li jipprevedi li t-talba minn ħaddiem għat-trasformazzjoni f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat ta’ sensiela ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala abbużivi għandha tiġi ppreżentata quddiem l‑awtorità kompetenti f’terminu ta’ dekadenza ta’ xahrejn li jibda jiddekorri mid-dħul fis‑seħħ tad‑digriet imsemmi, filwaqt li t-termini korrispondenti, previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali analoga li kienet fis-seħħ qabel din id‑data, ġew estiżi, billi din il-leġiżlazzjoni ma taffettwax il-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat.
Full & Egal Universal Law Academy