Kawża C-288/10
Wamo BVBA
vs
JBC NV
u
Modemakers Fashion NV
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van koophandel te Dendermonde)
“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura — Direttiva 2005/29/KE — Prattiki kummerċjali żleali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi r-reklami li jħabbru tnaqqis fil-prezz u dawk li jalludu għal tali tnaqqis”
Sommarju tad-digriet
Approssimazzjoni tal-liġijiet — Prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumaturi — Direttiva 2005/29
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/29)
Id-Direttiva 2005/29, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi projbizzjoni ġenerali tar-reklami li jħabbru tnaqqis fil-prezzijiet u tar-reklami li jalludu għal tali tnaqqis matul il-perijodu li jippreċedi dak tal-bejgħ bi prezzijiet imraħħsa, u dan sa fejn din id-dispożizzjoni jkollha għanijiet marbuta mal-protezzjoni tal-konsumaturi u taqa’ għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kwistjoni din li għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali.
Id-Direttiva 2005/29 tagħmel, fil-fatt, armonizzazzjoni kompleta tar-regoli dwar il-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fir-rigward tal-konsumaturi u għalhekk l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw, kif jipprovdi espressament l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, miżuri iktar restrittivi minn dawk iddefiniti mill-istess direttiva, u dan lanqas sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.
L-istess direttiva tistabbilixxi, fl-Anness I tagħha, lista eżawrjenti ta’ 31 prattika kummerċjali li, skont l-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, huma kkunsidrati bħala żleali “f’kull ċirkostanza”. Għaldaqstant, kif tippreċiża espressament il-premessa 17 tad-direttiva msemmija, huma biss dawn il-prattiki kummerċjali li jistgħu jitqiesu bħala żleali mingħajr ma jkunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni f’kull każ individwali skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 ta’ din id-direttiva.
Issa, prattiki li jikkonsistu fit-tħabbir lill-konsumaturi ta’ tnaqqis fil-prezzijiet ma humiex inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29. Għalhekk, tali prattiki ma jistgħux ikunu pprojbiti f’kull ċirkustanza iżda jistgħu jiġu pprojbiti biss wara analiżi speċifika li tippermetti li tiġi stabbilita n-natura żleali tagħhom.
(ara l-punti 28, 33, 37, 38, 40 u d-dispożittiv)
DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
30 ta’ Ġunju 2011 (*)
“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi r-reklami li jħabbru tnaqqis fil-prezz u dawk li jalludu għal tali tnaqqis”
Fil-Kawża C‑288/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank van koophandel te Dendermonde (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Ġunju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Ġunju 2010, fil-proċedura
Wamo BVBA
vs
JBC NV,
Modemakers Fashion NV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, J.‑J. Kasel, A. Borg Barthet, E. Levits u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tipproponi li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha,
wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, p. 22, rettifika tal-verżjoni bil-Malti fil-ĠU L 114, 27.04.2006, p. 101; iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar prattiki kummerċjali żleali”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Wamo BVBA (iktar ’il quddiem “Wamo”), li tiġġestixxi l-katina ta’ ħwienet ta’ ħwejjeġ ZEB, u, min-naħa l-oħra, JBC NV u Modemakers Fashion NV, żewġ impriżi li jiġġestixxu ħwienet kompetituri, dwar reklami li jħabbru tnaqqis fil-prezz mibgħuta minn Wamo lill-klijenti tagħha.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Il-premessi 6, 8 u 17 tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali huma fformulati kif ġej:
“(6) Din id-Direttiva [...] tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi. [...] Hija la tkopri u lanqas tolqot il-liġijiet nazzjonali dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara biss lill-interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li huma konnessi ma’ xi transazzjoni bejn kummerċjanti; b’kont sħiħ meħud tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom jibqgħu jkunu jistgħu jirregolaw prattiċi bħal dawn, b’konformità mal-liġi Komunitarja, jekk jagħżlu li jagħmlu dan. [...]
[...]
(8) Din id-Direttiva tipproteġi direttament l-interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur. [...]
[...]
(17) Hu kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. Il-lista tista’ tiġi modifikata biss b’reviżjoni tad-Direttiva.”
4 L-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali jipprovdi:
“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.”
5 L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[...]
d) ‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prattiċi kummerċjali’) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;
[...]”
6 L-Artikolu 3(1) tad-direttiva msemmija jipprovdi:
“Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.”
7 Skont l-Artikolu 4 tal-istess direttiva:
“L-Istati Membri la għandhom jirrestrinġu l-libertà tal-provvista ta’ servizzi u lanqas għandhom jirrestrinġu l-moviment liberu ta’ merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva.”
8 L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali, intitolat “Projbizzjoni ta’ prattiċi kummerċjali żleali”, huwa fformulat kif ġej:
“1. Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.
2. Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:
a) hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,
u
b) toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.
[...]
4. B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li
a) jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7, jew
b) jkunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.
5. Fl-Anness I tinsab lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”
Id-dritt nazzjonali
9 L-Artikolu 49 tal-Liġi tal-14 ta’ Lulju 1991, dwar il-prattiki kummerċjali u dwar l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur (Belgisch Staatsblad, 29 ta’ Awwissu 1991, iktar ’il quddiem il-LPPC”), huwa fformulat kif ġej:
“Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi, bejgħ bi prezz imraħħas għandu jfisser kull offerta ta’ bejgħ jew bejgħ lill-konsumatur li jitwettqu fid-dawl tat-tiġdid regolari tal-istokk ta’ bejjiegħ permezz tal-bejgħ ta’ malajr u bi prezzijiet imraħħsa ta’ prodotti, u li jkunu mħabbra bl-indikazzjoni ‘Soldes’, ‘Opruiming’, ‘Solden’ jew ‘Schlussverkauf’, jew b’kull indikazzjoni ekwivalenti oħra.”
10 L-Artikolu 52(1) tal-LPPC jipprovdi:
“Fis-setturi tal-ħwejjeġ, tal-prodotti magħmula mill-ġilda, tal-ħwejjeġ tal-ġilda u taż-żraben, il-[bejgħ bi prezz imraħħas] jista’ jsir biss matul il-perijodi bejn it-3 ta’ Jannar u l-31 ta’ Jannar inklużi u bejn l-1 ta’ Lulju u l-31 ta’ Lulju inklużi. [...]”
11 L-Artikolu 53 tal-LPPC jipprovdi:
“1. Matul il-perijodi ta’ stennija bejn il-15 ta’ Novembru u t-2 ta’ Jannar inklużi u bejn il-15 ta’ Mejju u t-30 ta’ Ġunju inklużi, fis-setturi msemmija fl-Artikolu 52(1), huwa pprojbit li jsiru reklami li jħabbru tnaqqis fil-prezzijiet u dawk li jalludu għal tnaqqis fil-prezzijiet [...] irrispettivament mill-post jew mill-mezzi ta’ komunikazzjoni użati.
[...]
Qabel perijodu ta’ stennija, huwa pprojbit li jsiru reklami li jħabbru tnaqqis fil-prezzijiet jew reklami li jalludu għal tnaqqis fil-prezzijiet, li jkollhom l-effetti tagħhom matul dan il-perijodu ta’ stennija.
Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(4), il-bejgħ intiż sabiex jinteħħa l-istokk kollu (‘clearance sale’) imwettaq matul perijodu ta’ stennija ma jistax jiġi rreklamat b’indikazzjoni ta’ tnaqqis fil-prezzijiet ħlief fil-każijiet u skont il-kundizzjonijiet ddeterminati mir-Re.
2. Id-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 52(2) għandhom jindikaw il-perijodi ta’ stennija li matulhom tapplika l-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
Fin-nuqqas ta’ regolamentazzjoni fis-sens tal-Artikolu 52(2), il-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tapplika wkoll għall-[bejgħ bi prezz imraħħas] imsemmi fl-imsemmi Artikolu 52(2).
[...]
4. Il-projbizzjoni li jsiru reklami li jħabbru t-tnaqqis fil-prezzijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma tapplikax għall-bejgħ ta’ prodotti mwettaq matul manifestazzjonijiet kummerċjali okkażjonali, li ma jdumux iktar minn erbat ijiem u li jkunu organizzati mhux iktar minn darba fis-sena minn gruppi lokali ta’ bejjiegħa jew bil-parteċipazzjoni tagħhom.
Ir-Re jista’ jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu organizzati dawn il-manifestazzjonijiet.”
12 Il-LPPC tħassret bil-Liġi tas-6 ta’ April 2010, dwar il-prattiki tas-suq u l-protezzjoni tal-konsumatur (Belgisch Staatsblad, 12 ta’ April 2010, p. 20803). Din il-liġi daħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Mejju 2010 u tipprevedi, fl-Artikolu 32 tagħha, dispożizzjoni tal-istess natura bħall-Artikolu 53 tal-LPPC.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
13 Matul Diċembru 2009, Wamo bagħtet stedina lil uħud mill-klijenti tagħha għal bejgħ privat fil-ħwienet tagħha bejn it-18 ta’ Diċembru u l-20 ta’ Diċembru 2009 inklużi. F’din l-istedina kien speċifikat li, matul dawn it-tlett ijiem, il-klijenti magħżula setgħu jibbenefikaw minn prezzijiet ferm imraħħsa billi jippreżentaw il-karta ta’ fidelità tagħhom.
14 Fit-18 ta’ Diċembru 2009, JBC NV u Modemakers Fashion NV talbu lir-Rechtbank van koophandel te Dendermonde sabiex tikkonstata li din l-istedina kienet tikkostitwixxi reklamar ipprojbit mill-Artikolu 53 tal-LPPC. Permezz ta’ digriet mogħti fl-istess jum, dik il-qorti pprojbixxiet lil Wamo milli tapplika kwalunkwe tnaqqis fil-prezzijiet fil-ħwienet tagħha sal-1 ta’ Jannar 2010 għaliex inkella kienet tiġi suġġetta għal multa ta’ EUR 2 5000 għal kull ksur ikkonstatat.
15 Wamo ressqet oppożizzjoni minn terzi kontra dan id-digriet fejn sostniet li l-Artikolu 53 tal-LPPC, minn naħa, ma jipprojbixxix l-għoti ta’ tnaqqis iżda l-messaġġi pubbliċitarji li jħabbru tali tnaqqis u, min-naħa l-oħra, li din id-dispożizzjoni fi kwalunkwe każ hija kuntrarja għad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali u għalhekk ma għandhiex tiġi applikata.
16 Peress li kkunsidrat li s-soluzzjoni għall-kawża mressqa quddiemha kienet tiddependi mill-interpretazzjoni tad-direttiva msemmija, ir-Rechtbank van koophandel te Dendermonde ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Id-Direttiva [dwar il-prattiki kummerċjali żleali] tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħal dik tal-Artikolu 53 tal-[LPPC] li, matul perijodi speċifiċi, tipprojbixxi li jsir reklamar dwar tnaqqis fil-prezzijiet u reklamar li jalludi għal tali tnaqqis fil-prezzijiet?”
Fuq id-domanda preliminari
17 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, f’ċerti setturi partikolari, tipprevedi projbizzjoni ġenerali tar-reklami li jħabbru tnaqqis fil-prezzijiet u tar-reklami li jalludu għal tali tnaqqis matul il-perijodu li jippreċedi dak tal-bejgħ bi prezzijiet imraħħsa.
18 Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali, f’kull waqt, tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, li jkun fih referenza għall-ġurisprudenza inkwistjoni.
19 Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan huwa l-każ fil-kawża ineżami sa fejn ir-risposta għad-domanda magħmula tista’ tiġi dedotta b’mod ċar b’mod partikolari mis-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft (C‑304/08, li Ġabra p. I‑217, punti 35 sa 51), u tad-9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag (C‑540/08, Ġabra p. I‑0000, punti 15 sa 38).
20 Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu preliminarjament jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 53(1) tal-LPPC, li ratione temporis huwa d-dispożizzjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, għandux għanijiet marbuta mal-protezzjoni tal-konsumaturi b’tali mod li jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali.
21 Fil-fatt, skont il-premessa 8 tagħha, id-direttiva msemmija “tipproteġi direttament l-interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur” u tiżgura, kif jiddikjara b’mod partikolari l-Artikolu 1 tagħha, “livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi” (sentenza Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).
22 Għall-kuntrarju, skont il-premessa 6 tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-liġijiet nazzjonali dwar prattiki kummerċjali żleali li jippreġudikaw “biss” l-interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li jikkonċernaw tranżazzjoni bejn kummerċjanti (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Plus Warenhandelsgesellschaft, punt 39, u Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, punt 21).
23 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-għanijiet tal-Artikolu 53(1) tal-LPPC ma jirriżultawx b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju.
24 Fil-fatt, fl-ewwel lok, ir-Rechtbank van koophandel te Dendermonde, filwaqt li tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tal-Arbitragehof (Qorti tal-arbitraġġ) tat‑2 ta’ Marzu 1995, li ngħatat iktar minn għaxar snin qabel l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali, sempliċement tindika li, “fil-passat”, il-perijodu ta’ stennija msemmi fid-dispożizzjoni msemmija kellu żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, li tiġi żgurata t-trasparenza tal-prezzijiet applikati immedjatament qabel u matul il-perijodu ta’ bejgħ bi prezzijiet imraħħsa, għall-benefiċċju tal-protezzjoni tal-konsumaturi, u, min-naħa l-oħra, li tiġi ggarantita l-ugwaljanza tal-possibbiltajiet ta’ bejgħ bejn il-kummerċjanti u li tiġi protetta l-eżistenza tal-kummerċjanti żgħar.
25 Fit-tieni lok, skont il-qorti tar-rinviju, sabiex tiġi ġustifikata l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 53(1) tal-LPPC huwa meħtieġ li jiġi vverifikat jekk din il-miżura “tistax effettivament tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-konsumatur”.
26 B’hekk, fuq il-bażi tad-deċiżjoni tar-rinviju ma jistax jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 53(1) tal-LPPC għandux effettivament għanijiet marbuta mal-protezzjoni tal-konsumaturi.
27 Issa, għandu jitfakkar li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, dwar l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, kompitu dan li għandu jitwettaq esklużivament mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali, għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u regolamentari tad-domandi preliminari, kif dan il-kuntest ikun iddefinit fid-deċiżjoni tar-rinviju (digriet tal-24 ta’ April 2009, Koukou, C‑519/08, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi jekk id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex effettivament għanijiet marbuta mal-protezzjoni tal-konsumaturi sabiex jiġi vverifikat jekk tali dispożizzjoni tistax taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali.
29 Fl-eventwalità li l-qorti tar-rinviju tasal għal tali konklużjoni, ikun irid jiġi ddeterminat ukoll jekk ir-reklami li jħabbru tnaqqis fil-prezzjiet u dawk li jalludu għal tali tnaqqis, reklami li huma s-suġġett tal-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxux prattiki kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali u jekk humiex, għalhekk, suġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti minn din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Plus Warenhandelsgesellschaft, punt 35, u Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, punt 16).
30 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali jiddefinixxi, filwaqt li juża formulazzjoni partikolarment wiesgħa, il-kunċett ta’ “prattiċi kummerċjali” bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi” (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Plus Warenhandelsgesellschaft, punt 36, u Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, punt 17).
31 Issa, kampanji promozzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-għan tagħhom huwa li jiġbdu l-konsumaturi lejn il-ħwienet ta’ kummerċjant, jaqgħu b’mod ċar fil-kuntest tal-istrateġija kummerċjali ta’ operatur u jikkonċernaw direttament il-promozzjoni ta’ u ż-żieda fil-bejgħ tiegħu. Minn dan isegwi li tali kampanji jikkostitwixxu prattiki kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali u għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).
32 Wara li ġie ppreċiżat dan, għandu jiġi vverifikat jekk id-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali tipprekludix projbizzjoni li jsiru reklami li jħabbru tnaqqis fil-prezzijiet, bħal dik prevista fl-Artikolu 53(1) tal-LPPC.
33 F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jitfakkar li d-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali tagħmel armonizzazzjoni kompleta tar-regoli dwar il-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fir-rigward tal-konsumaturi u għalhekk l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw, kif jipprovdi espressament l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, miżuri iktar restrittivi minn dawk iddefiniti mill-istess direttiva, u dan lanqas sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (sentenza Plus Warenhandelsgesellschaft, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 It-tieni nett, għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali jistabbilixxi l-kriterji li permezz tagħhom jistgħu jiġu ddeterminati ċ-ċirkustanzi li fihom prattika kummerċjali għandha titqies li hija żleali u, għalhekk, ipprojbita.
35 B’hekk, skont l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, prattika kummerċjali tkun żleali jekk tmur kontra r-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali u toħloq distorsjoni jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġiba ekonomika tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott.
36 Barra minn hekk, l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali jiddefinixxi żewġ kategoriji preċiżi ta’ prattiki kummerċjali żleali, jiġifieri l-“prattiċi li jqarrqu” u l-“prattiċi li jkunu aggressivi” li jissodisfaw il-kriterji speċifiċi stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 6 u 7 u fl-Artikoli 8 u 9 ta’ din id-direttiva.
37 Fl-aħħar nett, l-istess direttiva tistabbilixxi, fl-Anness I tagħha, lista eżawrjenti ta’ 31 prattika kummerċjali li, skont l-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, huma kkunsidrati bħala żleali “f’kull ċirkostanza”. Għaldaqstant, kif tippreċiża espressament il-premessa 17 tad-direttiva msemmija, huma biss dawn il-prattiki kummerċjali li jistgħu jitqiesu bħala żleali mingħajr ma jkunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni f’kull każ individwali skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Plus Warenhandelsgesellschaft, punt 45, u Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, punt 34).
38 Fir-rigward tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li prattiki li jikkonsistu fit-tħabbir lill-konsumaturi ta’ tnaqqis fil-prezzijiet ma humiex inklużi fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali. Għalhekk, tali prattiki ma jistgħux ikunu pprojbiti f’kull ċirkustanza iżda jistgħu jiġu pprojbiti biss wara analiżi speċifika li tippermetti li tiġi stabbilita n-natura żleali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).
39 Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 53(1) tal-LPPC jipprojbixxi b’mod ġenerali r-reklami li jħabbru tnaqqis fil-prezzijiet u dawk li jalludu għal tali tnaqqis, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat, fir-rigward tal-kuntest fattwali ta’ kull każ, jekk l-operazzjoni kummerċjali inkwistjoni hijiex ta’ natura “żleali” fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Plus Warenhandelsgesellschaft, punt 48, u Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, punt 36).
40 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li d-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi projbizzjoni ġenerali tar-reklami li jħabbru tnaqqis fil-prezzijiet u ta’ dawk li jalludu għal tali tnaqqis matul il-perijodu li jippreċedi l-perijodu ta’ bejgħ bi prezzijiet imraħħsa, u dan sa fejn din id-dispożizzjoni jkollha għanijiet marbuta mal-protezzjoni tal-konsumaturi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.
Fuq l-ispejjeż
41 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi projbizzjoni ġenerali tar-reklami li jħabbru tnaqqis fil-prezzijiet u ta’ dawk li jalludu għal tali tnaqqis matul il-perijodu li jippreċedi l-perijodu ta’ bejgħ bi prezzijiet imraħħsa, u dan sa fejn din id-dispożizzjoni jkollha għanijiet marbuta mal-protezzjoni tal-konsumaturi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy