Kawża C-339/10
Krasimir Asparu hov Estov et
vs
Ministerski savet na Republika Bulgaria
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 47 u 51(1) — Deċiżjoni dwar il-pjanijiet komuni għall-iżvilupp ta’ territorju — Nuqqas ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni Ewropea — Nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”
Sommarju tad-digriet
Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Talba għall-interpretazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
(Artikolu 6(1) TUE; Artikolu 267 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 51(1))
Il-Qorti tal-Ġustizzja, adita abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, għandha l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-Trattat FUE kif ukoll dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata biss għall-eżami tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.
Skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet tagħha jikkonċernaw lill-Istati Membri biss meta dawn ikunu qed jimplementaw il-liġi tal-Unjoni.
Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 6(1) TUE, li jagħti lill-Karta valur vinkolanti, u mid-dikjarazzjoni dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, hija ma toħloq l-ebda kompetenza ġdida għall-Unjoni u ma tbiddilx il-kompetenzi ta’ din tal-aħħar.
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni li tagħti risposta għad-domandi preliminari li jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-Karta meta d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi l-ebda element konkret li jippermetti li d-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni titqies li tikkostitwixxi miżura li timplementa d-dritt tal-Unjoni Ewropea jew meta ma tippreżenta l-ebda element ieħor ta’ rabta ma’ dan tal-aħħar.
(ara l-punti 11, 12, 14, 15 u d-dispożittiv)
DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
tat-12 ta’ Novembru 2010 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 47 u 51(1) – Deċiżjoni dwar il-pjanijiet komuni għall-iżvilupp ta’ territorju – Nuqqas ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni Ewropea – Nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”
Fil-Kawża C‑339/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari, skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija), permezz tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Lulju 2010, fil-proċedura
Krasimir Asparuhov Estov,
Monika Lyusien Ivanova,
Kemko International EAD
vs
Ministerski savet na Republika Bulgaria,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn K. Schiemann, President tal-Awla, L. Bay Larsen u C. Toader (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li semgħet l-Avukat Ġenerali,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 47 tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il‑“Karta”).
2 Din it‑talba ġiet ippreżentata fil‑kuntest ta’ kawża bejn V. Estov, V. Ivanova u Kemko International EAD, u l‑Ministerski savet na Republika Bulgaria (Kunsill tal-Ministri tar-Repubblika tal‑Bulgarija).
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea
3 Id-Dikjarazzjoni Nru 1 dwar il-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea, annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it‑Trattat ta’ Lisbona, iffirmat fit‑13 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2010, C 83, p. 335), tipprovdi s-segwenti:
“Il-Karta [...], li hija legalment vinkolanti, tikkonferma d-drittijiet fundamentali garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri.
Il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ l-Unjoni lil hinn mill‑kompetenzi ta’ l-Unjoni, u la toħloq kompetenzi jew kompiti ġodda għall‑Unjoni, u lanqas timmodifika l-kompetenzi u l-kompiti kif definiti fit‑Trattati”.
Id‑dritt nazzjonali
4 L-Artikolu 103 tal-Liġi dwar l-iżvilupp tat-territorju (Zakon za ustroystvo na teritoriata) jistabbilixxi:
“[…]
2. Il-pjanijiet għal żvilupp ġenerali għandhom jiddeterminaw l-użu prinċipali u t-tip ta’ kostruzzjoni tal-partijiet strutturali speċifiċi tat-territorji li jinsabu fil-pjan.
3. Il-pjanijiet għal żvilupp dettaljat għandhom jiddeterminaw l-użu preċiż u t‑tip ta’ kostruzzjoni tal-artijiet speċifiċi li jinsabu fil-pjan.
[…]”
5 L-Artikolu 127 ta’ din il-liġi jistabbilixxi:
“[…]
6. Il-pjan għal żvilupp ġenerali għandu jiġi approvat mill-kunsill muniċipali wara li jkun ġie ppreżentat mis-sindku. Id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Din hija definittiva u ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors.
7. […] In-normi u r-regoli speċifiċi dwar l-iżvilupp ta’ territorju li jinsab fil-belt kapitali għandhom ikunu s-suġġett ta’ liġi speċifika.
8. […] Il-pjan il-ġdid għal żvilupp ġenerali tal-belt kapitali, kif ukoll l-emendi fil-pjan għal żvilupp ġenerali fis-seħħ għandhom jiġu adottati mill-Kunsill tal-Ministri, skont din il-liġi u bl-osservanza tar-regoli u n-normi dwar l-iżvilupp u l-kostruzzjoni stabbiliti bil-liġi dwar l-iżvilupp u l-kostruzzjoni tal-belt kapitali.
[…]
10. […] Il-pjan għal żvilupp ġenerali ta’ belt ta’ importanza nazzjonali għandu jiġi approvat b’digriet mill-Ministru tal-Iżvilupp Reġjonali u tax-Xogħlijiet Pubbliċi, mogħti wara konsultazzjoni mal-kunsill muniċipali, u għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali. Id-digriet huwa definittiv u ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors.
[…]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
6 Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2009, il-Ministerski savet na Republika Bulgaria emenda l-pjan għall‑iżvilupp ġenerali tal-belt ta’ Sofija fir-rigward ta’ żewġ artijiet intiżi għal użu regolat. Skont dan il-pjan, dawn iż-żewġ artijiet jinsabu f’żona ta’ “attivitajiet ta’ servizzi għall-kollettività” u, skont il-pjan għal żvilupp dettaljat, dawn huma intiżi għall-kostruzzjoni ta’ mħażen u ta’ uffiċċji. Skont din id-deċiżjoni, l‑imsemmija artijiet iddaħħlu minn issa ’l quddiem f’żona “ħadra”, li fiha l-bini għal attività ekonomika ma għadux awtorizzat.
7 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Varhoven administrativen sad. Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ April 2010 mogħti minn awla komposta minn tliet membri, din ċaħdet dan ir-rikors peress li qieset li, skont l-Artikolu 127(6) u (10) tal-liġi dwar l-iżvilupp tat‑territorju, il-pjanijiet għall-iżvilupp ġenerali approvati mill-kunsill muniċipali u mill-Ministru tal-Iżvilupp Reġjonali u tax-Xogħlijiet Pubbliċi ma jistgħux ikunu s‑suġġett ta’ rikors.
8 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell minn dan id-digriet quddiem l‑istess qorti, din id-darba komposta minn ħames membri, li tistaqsi jekk il-fatt li ma hemmx, fil-liġi nazzjonali, id-dritt li jiġi ppreżentat rikors kontra deċiżjoni dwar pjan għal żvilupp ġenerali fil-belt kapitali huwiex inkompatibbli mad-dritt stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta.
9 F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Varhoven administrativen sad iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) Huwa possibbli li atti amministrattivi li jiksru d-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea jiġu esklużi mill-istħarriġ ġudizzjarju stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta [...]?
2) Fil-każ li dan huwa possibbli, jeżistu kriterji sabiex jiġi ddeterminat liema tipi ta’ atti amministrattivi skont l-Artikolu 47 tal-Karta [...] jistgħu jiġu esklużi mill-istħarriġ ġudizzjarju u liema huma dawn il-kriterji?
3) Huwa possibbli li l-istħarriġ ġudizzjarju jiġi eskluż fir-rigward tal-pjanijiet għal żvilupp ġenerali li jiksru d-dritt ta’ proprjetà?”
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
10 Skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors, hija tista’, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.
11 Permezz ta’ kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bis-saħħa tal‑Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-Trattat FUE kif ukoll dwar il-validità u l‑interpretazzjoni tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Il‑ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata biss għall-eżami tad‑dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (ara d-digriet tas-16 ta’ Jannar 2008, Polier, C‑361/07, punt 9, u l-ġurisprudenza ċċitata).
12 Madankollu, fir-rigward tal-kawża preżenti, għandu jitfakkar li, skont l‑Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha jikkonċernaw lill-“Istati Membri […] biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni” u li, skont l‑Artikolu 6(1) TUE, li jagħti lill-Karta valur vinkolanti, u kif jirriżulta mid‑dikjarazzjoni dwar il-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea, annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, l-imsemmija Karta ma toħloq ebda kompetenza ġdida għall-Unjoni u ma tibdilx il-kompetenzi ta’ din tal-aħħar.
13 Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill‑protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li jorbtu lill-Istati Membri fil-każijiet kollha li fihom huma msejħa japplikaw id-dritt tal-Unjoni Ewropea, jorbtuhom, sa fejn huwa possibbli, sabiex ma jiksrux l-imsemmija rekwiżiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Möllendorf u Möllendorf-Niehuus, C‑117/06, Ġabra p. I‑8361, punt 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
14 Peress li d-deċiżjoni tar-rinviju la tinkludi element konkret li jippermetti li d‑deċiżjoni tal-Ministerski savet na Republika Bulgaria, tas-16 ta’ Diċembru 2009, titqies li hija miżura li timplementa d-dritt tal-Unjoni Ewropea u lanqas ma għandha elementi oħra li jorbtuha ma’ dan tal-aħħar, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja ma hijiex stabbilita sabiex tagħti risposta għat-talba għal domanda preliminari.
15 F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat, abbażi tal-Artikolu 92(1) tar‑Regoli tal-Proċedura, li l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni li tagħti risposta għad-domandi magħmula mill-Varhoven administrativen sad.
Fuq l-ispejjeż
16 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tordna:
Il‑Qorti tal-Ġustizzja hija manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni li tagħti risposta għad-domandi magħmula mill‑Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija), b’deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2010.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.
Full & Egal Universal Law Academy