Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tad-19 ta’ Jannar 2012 — Proċeduri kriminali kontra Aldo Patriciello
(Kawża C‑496/10)
“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura — Membru tal-Parlament Ewropew — Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet — Artikolu 8 — Proċeduri kriminali għar-reat ta’ inġurja — Dikjarazzjonijiet magħmula barra mill-bini tal-Parlament — Kunċett ta’ ‘opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari’ — Immunità — Kundizzjonijiet”
Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea — Membri tal-Parlament Ewropew — Immunità għall-opinjonijiet espressi u l-voti mitfugħa fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom — Kunċett ta’ opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet — Applikazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja mibdija kontra membru tal-Parlament -Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali adita (Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 8) (ara l-punti 15-17, 19 u d-dispożittiv)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Ufficio del Giudice di Pace di Venafro — Interpretazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 1967 152, p. 13) — Membru tal-Parlament Ewropew li fil-konfront tiegħu qed jiġi attribwit reat ta’ inġurja wara li għamel akkuża falza fil-konfront ta’ rappreżentant tal-forzi tal-ordni — Kunċett ta’ opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari?
Dispożittiv
L-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattati UE, FUE u KEFA, għandu jiġi interpretat fis-sens li dikjarazzjoni magħmula minn Deputat Ewropew barra mill-Parlament Ewropew, li wasslet għal proċeduri kriminali fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu għar-reat ta’ inġurja, tikkostitwixxi opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet parlamentari li tibbenefika mill-immunità prevista f’din id-dispożizzjoni biss meta din id-dikjarazzjoni tikkorrispondi għal evalwazzjoni suġġettiva li għandha rabta diretta u evidenti mal-qadi ta’ tali dmirijiet. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti fil-kawża prinċipali.
Full & Egal Universal Law Academy