Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tad-29 ta’ Marzu 2012 — Safilo
(Kawża C-529/10)
“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura — Tassazzjoni diretta — Għeluq ta’ proċeduri pendenti quddiem il-qorti li tagħti deċiżjoni fl-aħħar istanza fil-qasam fiskali — Abbuż ta’ dritt — Artikolu 4(3) TUE — Libertajiet iggarantiti mit-Trattat — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Għajnuna mill-Istat — Obbligu li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni”
Stati Membri — Obbligi — Obbligu ta’ kooperazzjoni leali — Eżekuzzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Prinċipju ta’ projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt — Moviment liberu tal-kapital — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat — Tassazzjoni diretta tal-Istati Membri (Artikolu 4(3) TUE; Artikoli 63 TFUE u 107(1) TFUE) (ara l-punti 23, 25, 26, 28-33 u d-dispożittiv)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Corte suprema di cassazione — Taxxa fuq il-kumpanniji — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi perċentwali differenti ta’ taxxa fuq id-dividendi tal-kumpanniji skont is-sede tagħhom — Tranżazzjoni kummerċjali li timplika l-parteċipazzjoni tal-kumpanniji residenti fl-Italja jew tal-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom f’pajjiż ieħor — Deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tikkunsidra bħala applikabbli t-taxxi dovuti fil-każ ta’ kumpanniji residenti f’pajjiż ieħor — Kunċett ta’ abbuż ta’ dritt kif iddefinit fil-Kawża C‑255/02, Halifax et — Applikabbiltà għat-taxxi nazzjonali mhux armonizzati bħat-taxxi diretti.
Dispożittiv
Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt, l-Artikolu 4(3) TUE, il-libertajiet iggarantiti mit-Trattat FUE, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kif ukoll l-obbligu li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-applikazzjoni, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali dwar it-tassazzjoni diretta, ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi l-għeluq ta’ proċeduri pendenti quddiem il-qorti li tagħti deċiżjoni fl-aħħar istanza fil-qasam fiskali, permezz ta’ ħlas ta’ somma ekwiparabbli għal 5 % tal-valur tal-kawża, meta dawn il-proċeduri jirriżultaw minn rikors li jkun ġie ppreżentat fl-ewwel istanza iktar minn għaxar snin qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni u l-awtorità tat-taxxa tkun tilfet fl-ewwel żewġ istanzi ġudizzjarji.
Full & Egal Universal Law Academy