SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA
(L-Ewwel Awla)
25 ta’ Settembru 2012 (*)
“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Talba għall-assistenza — Dritt ta’ żvelar — Assenjazzjoni mill-ġdid — Interess tas-servizz”
Fil-Kawża F-41/10,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu,
Moises Bermejo Garde, uffiċjal tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn L. Levi, avukat,
rikorrent,
vs
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), irrappreżentat minn Echevarría Viñuela, bħala aġent, assistita minn B. Wägenbaur, avukat,
konvenut,
IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla),
kompost minn H. Kreppel (Relatur), President, E. Perillo u R. Barents, Imħallfin,
Reġistratur: J. Tomac, Amministratur,
wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-31 ta’ Jannar 2012,
jagħti l-preżenti
Sentenza
1 B’rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-7 ta’ Ġunju 2010, Bermejo Garde jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), minn naħa waħda, ċaħad it-talba għall-assistenza li tressqet abbażi ta’ fastidju psikoloġiku mġarrab u rrifjuta li jitressaq ilment quddiem l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), u min-naħa l-oħra, temm il-funzjonijiet preċedenti tiegħu u ordna li jiġi assenjat xogħol ġdid, u jitlob ukoll li l-KESE jiġi kkundannat biex iħallsu d-danni.
Il-kuntest ġuridiku
2 L-Artikolu 1, bit-titolu “Dinjità tal-bniedem”, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi:
“Id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u protetta.”
3 Skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 41 tal-Karta, bit-titolu “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”:
“1. Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.
2. Dan id-dritt jinkludi:
a) id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament;
b) id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju;
c) l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.”
4 Rigward l-Artikolu 31 tal-Karta, bit-titolu “Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa”, dan jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu”.
5 Skont l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ‘il quddiem, ir-“Regolamenti tal-Persunal”):
“1. Uffiċjali jistgħu jżommu lura minn kull forma ta’ turment psikoloġiku jew sesswali.
2. Uffiċjali li kien vittma ta’ turment psikoloġiku jew sesswali, m’għandux isofri xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa ta’ l-istituzzjoni. Uffiċjal li ngħata evidenza dwar turment psikoloġiku jew sesswali, m’għandux isofri xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa ta’ l-istituzzjoni, sakemm l-uffiċjal aġixxa b’onestà..
3. ‘Turment psikoloġiku’; ifisser kull imġiba mhux xierqa li ssir tul perjodu, hija ripetittiva jew sitematika u tinvolvi atteġġament fisku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra li huma intenzjonali u li jistgħu jbaxxu l-personalità, dinjità, jew integrità fisika jew psikoloġika ta’ xi persuna..
4. ‛Turment sesswali’; tfisser imġiba relatata mas-sess li ma tridhiex il-persuna li hija diretta għaliha, u li għandha l-iskop jew l-effett li toffendi dik il-persuna jew toħloq ambjent ta’ intimidazzjoni, ostili, offensiva jew disturbat. It-turment sesswali għandu jkun ittrattat bħala diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.”
6 Skont l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal:
“Kull uffiċjal li matul jew f'konnessjoni mal-qadi ta’ dmirijietu, isir jaf b’xi fatti li joħolqu supposizzjoni għall-eżistenza ta’ attività possibbilment illegali, inklużi frodi jew korruzzjoni, li hija detrimentali għall-interessi tal-Unjoni, jew ta’ kondott relatata mat-twettiq tad-dmirijiet professjonali li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas serju biex iħarsu l-obbligi ta’ l-uffiċjali tal-Unjoni, għandhu mingħajr dewmien javża jew lis-superjur ta’ fuqu eżatt jew id-Direttur Ġenerali tiegħu jew, jekk jaħseb li tkun utli, lis-Segretarju Ġenerali, jew il-persuni fil-posizzjonijiet ekwivalenti, jew dirett lill-[OLAF].
L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tingħata bil-miktub.
Dan il-paragrafu għandu wkoll japplika fil-każ ta’ nuqqas serju li jitħares obbligu simili min-naħa ta’ Membru ta’ istituzzjoni jew kull persuna oħra fis-servizz ta’ jew li jwettaq xogħol għall-istituzzjoni.
2. Kull [uffiċjal] li jirċievi l-informazzjoni riferuta fil-paragrafu 1 għandu mingħajr dewmien jittrasmetti lil OLAF, kull evidenza li jaf biha, li minnha l-eżistenza ta’ l-irregolaritajiet riferuti fil-paragrafu 1 tista’ tkun preżunta.
3. Uffiċjal m’għandux isofri minn xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa ta’ l-istituzzjoni, bħala riżultat talli kkomunika l-informazzjoni riferuta fil-paragrafi 1 u 2, sakemm aġixxa raġonevoli u bl-onestà.
4. Il-paragrafi 1 sa 3 m’għandhomx japplikaw għad-dokumenti, kuntratti, rapporti, noti jew informazzjoni f'liema forma tkun, miżmuma għall-iskopijiet ta’, jew maħluqa jew żvelati, lill-uffiċjal waqt li għaddejjin proċeduri f’każijiet legali, kemm jekk pendenti jew magħluqa.”
7 L-Artikolu 22b(1) tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fformulat hekk:
“L-uffiċjal li jiżvela iktar, informazzjoni kif definit fl-Artikolu 22a lill-President tal-Kummissjoni [Ewropea] jew lill-Qorti ta’ l-Awdituri [tal-Unjoni Ewropea] jew tal-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] jew tal-Parlament Ewropew, jew lill-Ombudsman Ewropew, m’għandux isofri xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa ta’ l-istituzzjoni tiegħu, sakemm jitħarsu ż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin :
a) l-uffiċjal onestament u bir-raġun jemmen li l-informazzjoni żvelata, u kull allegazzjoni li fiha, huma sostanzjalment vera; u
b) l-uffiċjal kien żvela l-istess informazzjoni qabel lil OLF jew lill-istituzzjoni tiegħu u ppermetta lil OLAF u lil dik l-istituzzjoni l-perjodu ta’ żmien stabbilit mill-Uffiċċju jew l-istituzzjoni, minħabba l-komplessità tal-każ, biex tieħu l-azzjoni xierqa. L-uffiċjal għandu mbagħad jkun informat b’dak il-perjodu ta’ żmien matul 60 ġurnata.”
8 L-Artikolu 60(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74) (iktar ‘il quddiem ir-”Regolament Finanzjarju”), jipprovdi b’mod partikolari li “[f]il-każ ta’ attività illegali, frodi jew korruzzjoni li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-intere[s]si tal-Komunità, hu/hi għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet u lill-korpi nnominati bil-leġislazzjoni applikabbli”.
9 L-Artikolu 72 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1 Vol. 4, p. 145), huwa fformulat hekk:
“L-awtoritajiet u entitajiet imsemmija fl-Artikoli 60(6) […] tar-Regolament Finanzjarju għandhom jinftiehmu bħala l-entitajiet innominati mir-[Regolamenti tal-Persunal] u d-deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni tal-Komunità dwar it-termini u l-kondizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni biex ma ssirx frodi, korruzzjoni jew kull attivita illegali oħra ta’ detriment għall-interessi tal-Komunità.”
10 L-Artikolu 72(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-KESE (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura”) jipprovdi:
“Il-poteri li r-[Regolamenti tal-Persunal] jagħtu fuq l-awtorità li taħtar huma mħaddma:]:
– fir-rigward tas-[s]egretarju-[ġ]enerali, mill-[b]ureau;
– fir-rigward ta’ l-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjoni [tal-amministraturi] AD16, AD15, u AD14, fuq proposta tas-[s]egretarju-[ġ]enerali, mill-[b]ureau fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 13, 29, 30, 31, 32, 40, 41, 49, 50, 51, 78 u 90, paragrafu 1 ta’ [r-Regolamenti tal-Persunal]; fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta’ [ir-Regolamenti tal-Persunal] inkluż l-Artikolu 90 paragrafu 2, fuq proposta tas-[s]egretarju-[ġ]enerali, mill-President;;
– fir-rigward ta’ l-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjoni AD13, AD12 u AD11, mill-President, fuq proposta tas-[s]egretarju-[ġ]nerali;
– fir-rigward ta’ l-uffiċjali tal-gradi l-oħra tal-grupp ta’ funzjoni AD u għall-grupp ta’ funzjoni [assistenti (AST)], mis-segretarju-ġenerali.”
11 Fil-11 ta’ Ottubru 1999, il-KESE adotta d-Deċiżjoni Nru 363/99 A dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-inkjesti interni fir-rigward tal-prevenzjoni tal-frodi, tal-korruzzjoni u ta’ kull attività illegali li hi ta’ detriment għall-interessi tal-Komunitajiet.
12 L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni nru 363/99 A, bit-titolu “Obbligu ta’ informazzjoni”, jipprovdi:
“Kwalunkwe Uffiċċjal jew impjegat [tal-KESE] li jsir konxju ta’ evidenza li tqajjem preżunzjoni dwar l-eżistenza ta’ każijiet possibbli ta’ frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra detrimentali għall-interessi tal-Komunitajiet, jew sitwazzjonijiet serji relatati mal-qadi ta’ dmirijiet professjonali li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas ta’ ħarsien ta’ l-obbligi ta’ Uffiċjali jew impjegati tal-Komunitajiet suġġetti li jirriżultaw fi proċeduri dixxiplinarji jew, f’każijiet approprjati, fi proċeduri kriminali, jew nuqqas ta’ ħarsien ta’ l-obbligi analogi tal-membri, managers jew membri tal-persunal li mhux suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jinforma mingħajr dewmien il-Kap tas-Servizzi jew id-Direttorat-Ġenerali tiegħu jew, jekk huwa jikkunsidra li jkun utli, is-Segretarju Ġenerali tiegħu jew l-[OLAF] direttament.
Is-Segretarju Ġenerali, u l-Kapijiet tas-Servizz (jew id-diriġenti) tal-[KESE] għandhom mingħajr dewmien jagħtu lil l-[OLAF] kull evidenza, li jsiru jafu biha, li l-eżistenza ta’ l-irregolarità tagħha kif msejħa fl-ewwel paragrafu tista’ tiġi preżunta.
Id-diriġenti, uffiċjali u aġenti tal-[KESE] m’għandhom bl-ebda mod ibatu minn trattament inġust jew diskriminatorju minħabba li jkunu kkomunikaw l-informazzjoni li jirreferu għaliha l-ewwel u t-tieni paragrafi.
Membri li jakkwistaw għarfien ta’ fatti kif imsemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jinfurmaw il-President [tal-KESE] jew, jekk jikkunsidrawh utli, lill-[OLAF] direttament.”
Espożizzjoni tal-fatti
13 Ir-rikorrent, li kien ilu uffiċjal mill-1990, daħal fis-servizz tal-KESE fl-1 ta’ Ġunju 1991 u ngħata l-kariga ta’ konsulent legali mad-Direttorat tal-amministrazzjoni, tal-persunal u tal-finanzi.
14 Fl-1 ta’ Ġunju 1997, ir-rikorrent inħatar kap tad-Diviżjoni“Servizz legali” (iktar ’il quddiem is-“servizz legali”) tad-direttorat tal-amministrazzjoni, tal-persunal u tal-finanzi.
15 Fl-1 ta’ April 2007, ir-rikorrent ingħata promozzjoni għall-grad AD 13.
16 Fl-1 ta’ Ottubru 2008, W., is-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-KESE (iktar ’il quddiem is-“Segretarju Ġenerali”), assuma l-funzjonijiet tiegħu.
17 Il-ġurnata ta’ wara, is-segretarju ġenerali bagħat memo li permezz tagħha huwa informa lill-persunal li kien ser jassumi temporanjament il-kariga battala ta’ direttur tar-riżorsi umani u finanzjarji.
18 Huwa paċifiku li, ftit wara l-ħatra ta’ W. bħala Segretarju Ġenerali, ir-relazzjoni bejnu u bejn ir-rikorrent iddeterjorat, b’dan tal-aħħar jakkuża lis-Segretarju Ġenerali li kien qiegħed jeżerċita pressjonijiet “illeġittimi” fis-servizz legali.
19 Fis-7 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrent ippreżenta lill-KESE nota indirizzata lill-President tal-KESE (iktar ’il quddiem il-“President”) kif ukoll lill-Presidenti tat-tliet gruppi ta’ msieħba soċjali li jiffurmaw il-KESE, fil-kwalità tagħhom bħala membri tal-uffiċċju tal-KESE. F’dik in-nota, li magħha ġew mehmuża annessi u dokumentazzjoni, ir-rikorrent, filwaqt li rrefera espressament għall-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, informa lill-uffiċċju tal-KESE (iktar ’il quddiem l-“uffiċċju”) dwar l-eżistenza ta’ irregolaritarjiet serji u numerużi li allegatament twettqu, fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, mis-Segretarju Ġenerali u, fi grad inqas, mill-kap tad-Diviżjoni “Reklutaġġ, karrieri u taħriġ” tad-Direttorat tar-riżorsi umani u finanzjarji. Ir-rikorrent jakkuża b’mod partikolari:
– l-eżistenza ta’ pressjoni eżerċitata fuq is-servizz legali;
– ir-rifjut li tingħata sanzjoni dixxiplinarja kontra uffiċjal ħati ta’ fatti illeċiti u r-rifjut li dawn il-fatti jiġu rrappurtati lill-OLAF;
– l-għoti irregolari tal-karigi ta’ direttur fi ħdan il-KESE.
20 F’din l-istess nota, ir-rikorrent talab lill-uffiċċju, b’mod partikolari:
– biex “tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva [bil-għan li] jiġu stabbiliti l-fatti u l-irregolaritajiet imwettqa”;
– li “jiġi kkomunikat lilu t-terminu msemmi fl-Artikolu 22b(1)(b), tal-Istatut”;
– li “jittieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jerġa’ jiġi stabbilit il-funzjonament tajjeb tas-[segretarjat ġenerali]”;
– li “tiġi ggarantita l-indipendenza tas-[s]ervizz legali skont il-kundizzjonijiet mitluba mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea]”;
– li “jiġu inferiti r-responsabbiltajiet ta’ natura personali skont kif ikun meħtieġ wara l-intervent neċessarju tal-OLAF”.
21 Dejjem fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrent talab ukoll, fuq il-bażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-assistenza tal-uffiċċju sabiex dan tal-aħħar jieħu il-“miżuri meħtieġa għall-waqfien tal-fastidju psikoloġiku mwettaq [kontrih]” mis-segretarju ġenerali.
22 B’messaġġi elettroniċi tal-istess ġurnata, ir-rikorrent informa lill-membri l-oħrajn tal-uffiċċju, li huwa kien għadu kif ippreżenta lil kull wieħed minnhom, fl-uffiċċji tal-gruppi rispettivi tagħhom, envelop li fih kien hemm kopja tan-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009. Skont ir-rikorrent, dawk l-envelops ma waslux għand id-destinatarji tagħhom, peress li l-President u t-tliet Presidenti tal-grupp ostakolaw id-distribuzzjoni tagħhom.
23 Fl-10 ta’ Diċembru 2009, il-President ordna lill-kap tal-kabinett tiegħu biex jipproċedi għal “eżami preliminari” tal-informazzjoni kkomunikata mir-rikorrent fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009.
24 B’eżekuzzjoni ta’ dik l-istruzzjoni, il-kap tal-kabinett tal-President ipproċeda biex jisma’ lill-persuni kkonċernati bin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009. Ir-rikorrent b’mod partikolari nstema’ darbtejn, fil-15 ta’ Diċembru 2009 u fl-14 ta’ Jannar 2010.
25 Fl-aħħar ta’ Jannar 2010, il-kap tal-kabinett tal-President fassal rapport dwar l-allegazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku u ta’ irregolaritajiet imwettqa fi ħdan il-KESE fformulati mir-rikorrent fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009. F’dak ir-rapport, il-kap tal-kabinett tal-President ikkunsidra li dawk l-allegazzjonijiet ma kinux fondati. Huwa indika b’mod partikolari li, għalkemm kien hemm “atmosfera ta’ tensjoni” bejn is-servizz legali u s-Segretarjat Ġenerali, dik “id-diffikultà kienet tidher […] li kienet essenzjalment ikkawżata minn diverġenza fl-opinjoni dwar ir-rwol tas-[servizz legali]” u li “[i]d-diversi episodji kkwalifikati bħala fastidju [kienu] biss manifestazzjonijiet ta’ dik id-diverġenza, li setgħu kienu aggravati minn differenzi kulturali importanti fil-qasam ġuridiku kif ukoll mill-karattru personali tal-persuni kkonċernati”.
26 Matul intervista li saret fit-22 ta’ Frar 2010, il-President stieden lir-rikorrent biex jirtira t-talbiet li jinsabu fin-nota tiegħu tas-7 ta’ Diċembru 2009.
27 B’ittra tas-26 ta’ Frar 2010, ir-rikorrent ċaħad dik l-istedina, u spjega li “wara li kkunsidra b’kuxjenza sħiħa li kien hemm aġir irregolari […], [huwa] ma [setax] issa jikkontradixxi ruħu mingħajr ma jħoss li qiegħed imur kontra l-Artikolu 21 tar-[Regolamenti tal-Persunal]”. Ir-rikorrent barra minn hekk insista “fuq il-fatt li ma kellu ebda interess jew kunflitt personali fl-approċċ tiegħu li kien strettament professjonali”.
28 Permezz tad-deċiżjoni Nru 088/10 A tat-3 ta’ Marzu 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010”), il-President, “fuq il-bażi ta’ mandat li ngħatalu mill-[u]ffiċċju fis-16 ta’ Frar 2010”, ċaħad it-talbiet kollha li kienu jinsabu fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, “peress li l-fatti invokati ma setgħux jiġu kkwalifikati bħala ksur ta’ natura kriminali u lanqas bħala ksur tad-dispożizzjonijiet statutorji fil-qasam dixxiplinari”.
29 F’dik l-istess deċiżjoni, li fiha kien imsemmi li “kien sar tentattiv ta’ konċiljazzjoni, iżda […] [ir-rikorrent] ma [kienx] aċċetta s-soluzzjoni proposta”, il-President ikkunsidra li “l-ilment ta’ persekuzzjoni fuq ix-xogħol mis-[S]egretarju Ġenerali jew minn kull uffiċjal ieħor ma [kienx] iġġustifikat, peress li l-ftit provi disponibbli dwar dan is-suġġett [kienu] jindikaw il-kuntrarju għall-argumenti invokati mill-persuna li għamlet l-ilment” u li “l-akkuża ta’ abbuż ta’ poter u ta’ eżerċizzju abużiv tal-poteri tal-[b]ureau […] mis-[S]egretarju Ġenerali ma [kinitx] ipprovata”.
30 Barra minn hekk, dejjem f’dik id-deċiżjoni, il-President indika li “[i]s-[S]egretarju Ġenerali kien ser assenja [lir-rikorrent] kompitu li jikkorrispondi mal-kwalifiki u mal-grad tiegħu, bil-ħlas bħala kap ta’ unità fid-dawl tal-assenzjazzjoni tiegħu għal kariga ta’ dak it-tip jekk ebda kariga ta’ dan it-tip ma [tkun] disponibbli immedjatament, iżda f’unità oħra minbarra s-servizz legali”.
31 Finalment, il-president iddikjara wkoll li “[is-]segretarju ġenerali jindika l-miżuri amministrattivi l-oħrajn li jistgħu jippromwovu t-twettiq tajjeb tal-attività amministrattiva u li huma xierqa sabiex jingħelbu n-nuqqas ta’ ftehim u d-differenzi fi ħdan s-Segretarjat Ġenerali, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u l-eżerċitar mid-diversi strutturi tal-kompetenzi, responsabbiltajiet u setgħat tagħhom”.
32 Id-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 ġiet ikkomunikata lir-rikorrent fil-jum meta ġiet adottata fil-verżjoni oriġinali tagħha, bit-Taljan, u mbagħad fl-10 ta’ Marzu, fil-verżjonijiet bl-Ispanjol u bil-Franċiż.
33 Fl-24 ta’ Marzu 2010, il-President adotta “addendum” għad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, fejn ġie ppreċiżat li l-“miżuri [ta’ traspożizzjoni] tad-deċiżjoni [tat-3 ta’ Marzu 2010], li ttieħdu mis-[S]egretarju Ġenerali, kellhom jiġu eżegwiti taħt l-awtorità tal-[P]resident” (iktar ’il quddiem l-“addendum tal-24 ta’ Marzu 2010”).
34 Permezz tad-deċiżjoni Nru 133/10 A de tal-istess 24 ta’ Marzu 2010, il-President, “wara li kkonsulta lis-[S]egretarju Ġenerali u bil-kunsens tiegħu”, temm “fl-interess tas-servizz” u “b’effett immedjat”, il-funzjonijiet tal-kap tas-servizz legali eżerċitati mir-rikorrent u ppreċiża li huwa “kien ser jiġi assenjat mill-ġdid, fil-kwalità ta’ kap ta’ unità u bil-kariga tiegħu, ma’ servizz ieħor tal-KESE, sa mis-[6] ta’ April 2010” (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni li temmet il-funzjonijiet l-antiki”).
35 Permezz tad-deċiżjoni Nru 184/10 A tat-13 ta’ April 2010, il-President, “wara li kkonsulta lis-Segretarju Ġenerali u bil-kunsens tiegħu”, u “għal raġunijiet funzjonali”, assenja lir-rikorrent lid-Direttorat tal-loġistika “fil-kwalità ta’ kap tat-diviżjoni u bil-kariga tiegħu […] sabiex jieħu ħsieb b’mod partikolari l-kwistjonijiet legali li jirrigwardaw il-kuntratti u s-sejħiet għal offerti”. Kien previst li dik id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ fis-6 ta’ April 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid”).
36 B’nota tat-3 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrent, b’mod konformi mal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ressaq ilment kontra:
– id-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010;
– l-addendum tal-24 ta’ Marzu 2010;
– id-deċiżjoni li temmet il-funzjonijiet l-antiki;
– id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
37 B’mod konformi mal-Artikolu 91(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, mingħajr ma qagħad jistenna d-deċiżjoni dwar l-ilment, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors fejn talab l-annullament tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-ilment. Fl-istess jum, huwa ppreżenta wkoll quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talba għal miżuri provviżorji intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-istess deċiżjonijiet.
38 B’ittri mir-Reġistru tal-11 ta’ Ġunju 2010, il-partijiet ġew infurmati, b’mod konformi mal-Artikolu 91(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, bis-sospensjoni tal-proċedura fil-kawża prinċipali.
39 B’digriet tal-14 ta’ Lulju 2010, il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji.
40 Wara d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, li ngħatat fl-1 ta’ Ottubru 2010 u li ġiet innotifikata lir-rikorrent fil-15 ta’ Ottubru ta’ wara, il-partijiet ġew infurmati, b’mod konformi mal-Artikolu 91(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, li kienet ser tissokta l-proċedura fil-kawża prinċipali quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.
41 Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:
– jannulla d-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, l-addendum tal-24 ta’ Marzu 2010, id-deċiżjoni li temmet il-funzjonijiet l-antiki u d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid;
– jikkundanna lill-KESE biex iħallsu s-somma ta’ EUR 17 500 bħala danni;
– jikkundanna lill-KESE għall-ispejjeż kollha.
42 Il-KESE jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:
– jiċħad ir-rikors;
– jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż kollha, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.
Id-dritt
1. Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 u tal-addendum tal-24 ta’ Marzu 2010
43 L-ewwel nett, għandha tiġi ddeterminata l-portata tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 u tal-addendum tal-24 ta’ Marzu 2010, li teħtieġ fl-ewwel lok li jiġi ppreċiżat il-kontenut tan-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009.
44 Fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrent ressaq quddiem l-amministrazzjoni fatti li jistgħu jinġabru f’żewġ kategoriji distinti.
45 Fl-ewwel lok, l-individwu kkonċernat jilmenta dwar fatti li jikkonċernawh direttament. Huwa b’mod partikolari jakkuża lis-Segretarju Ġenerali b’fastidju psikoloġiku, li essenzjalment kien jikkonsisti fi pressjonijiet “illeġittimi” eżerċitati fuq is-servizz legali. Huwa talab lill-amministrazzjoni biex tagħti assistenza skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, liema assistenza kellha tikkonsisti prinċipalment fil-fatt li s-servizz legali ma jibqax taħt ir-responsabbiltà diretta tas-Segretarju Ġenerali (iktar ’il quddiem it-“talba għall-assistenza”).
46 Fit-tieni lok, dejjem fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, l-individwu kkonċernat ġibed l-attenzjoni wkoll għal fatti li, għalkemm ma kinux jikkonċernawh direttament, setgħu fil-fehma tiegħu jippreġudikaw l-interessi tal-KESE. F’dan ir-rigward huwa lmenta, b’mod partikolari, dwar ir-rifjut tas-Segretarju Ġenerali li jimponi, kontra uffiċjal ħati ta’ fatti illeċiti, sanzjoni dixxiplinarja, liema irregolaritajiet kienu jivvizzjaw il-proċedura għall-għoti tal-karigi tad-Direttur A tax-xogħlijiet konsultattivi u tad-Direttorat tar-riżorsi umani u finanzjarji, kif ukoll l-użurpazzjoni mis-Segretarju Ġenerali tal-prerogattivi tal-uffiċċju fil-qasam tal-ħatra ta’ uffiċjali oħrajn tal-KESE. Ir-rikorrent talab li dik l-informazzjoni tiġi kkomunikata lill-OLAF immedjatament skont l-Artikolu 22a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem it-“talba għal riferiment lill-OLAF”).
47 Hekk kif ġie ddefinit il-kontenut tan-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, għandu jiġi kkonstatat li, bid-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, il-President ċaħad kemm it-talba għall-assistenza kif ukoll it-talba għal riferiment lill-OLAF u barra minn hekk indika lir-rikorrent li fil-futur kien ser ikun suġġett ta’ assenjazzjoni mill-ġdid li l-proċeduri tagħha kienu ser jiġu stipulati mis-Segretarju Ġenerali. Sussegwentement, fl-addendum tal-24 ta’ Marzu 2010, il-President iddikjara wkoll li l-proċeduri tal-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent kienu ser jiġu eżegwiti taħt l-awtorità tiegħu.
48 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tittieħed deċiżjoni suċċessivament:
– dwar it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, inkwantu din indikat li r-rikorrent kien ser jiġi assenjat mill-ġdid, u fuq it-talbiet għall-annullament tal-addendum tal-24 ta’ Marzu 2010;
– dwar it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, inkwantu din tiċħad it-talba għal riferiment tal-OLAF;
– dwar it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, inkwantu din tiċħad it-talba għal assistenza.
Dwar it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, inkwantu din indikat li r-rikorrent ser jiġi assenjat mill-ġdid, u fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tal-addendum tal-24 ta’ Marzu 2010
49 Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, jistgħu jikkawżaw preġudizzju biss l-atti jew il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jkunu ta’ natura li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu (ara s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-14 ta’ Settembru 2010, Da Silva Pinto Branco vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F-52/09, punt 32), u li dawk l-atti jew miżuri għandhom joħorġu minn awtorità kompetenti u jikkonfermaw pożizzjoni definittiva meħuda mill-amministrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Mejju 2006, Lavagnoli vs Il-Kummissjoni, T-95/04, punt 35). Is-sempliċi manifestazzjoni, min-naħa tal-awtorità kompetenti, tal-intenzjoni li tieħu, fil-futur, deċiżjoni speċifika ma tistax toħloq drittijiet jew obbligi korrispondenti min-naħa tal-uffiċjali kkonċernati (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Marzu 1993, Blackman vs Il-Parlament, T-33/89 u T-74/89, punt 27).
50 F’din il-kawża, meta informa lir-rikorrent permezz tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 li kien ser jingħata “kompitu li jikkorrispondi mal-kwalifiki u mal-grad tiegħu […] f’diviżjoni li ma kinitx is-servizz legali”, il-President sempliċement ħabbar l-intenzjoni tal-amministrazzjoni li tipproċedi, fil-futur, għal assenjazzjoni mill-ġdid tal-persuna kkonċernata, u b’dan il-mod, permezz ta’ din is-sempliċi manifestazzjoni ta’ intenzjoni, ma ħoloq la dritt u lanqas obbligu min-naħa tar-rikorrent. L-istess japplika għall-addendum tal-24 ta’ Marzu 2010, fejn il-President sempliċement indika li l-“miżuri [ta’ traspożizzjoni] tad-[deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010], li ttieħdu mis-[s]egretarju ġenerali, kellhom jiġu eżegwiti taħt l-awtorità tal-President”.
51 F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li huwa paċifiku li l-assenjazzjoni mill-ġdid effettiva tar-rikorrent seħħet biss permezz tad-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet antiki u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, it-talbiet imsemmija hawn fuq għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.
Dwar it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, sa fejn din tiċħad it-talba għal riferiment tal-OLAF
52 Ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biex jannulla d-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, sa fejn din tiċħad it-talba għal riferiment tal-OLAF, u jqajjem, insostenn ta’ dawk il-konklużjonijiet, għadd ta’ motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 22a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni Nru 363/99 A, tal-Artikolu 60(6) tar-Regolament Finanzjarju, tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 2342/2002, kif ukoll tal-Artikolu 11 tad-deċiżjoni 005/03 A dwar ir-regoli interni għall-eżekuzzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
53 Għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tat-talbiet imsemmija hawn fuq.
54 F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li r-Regolamenti tal-Persunal, kif emendati bir-Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004 (KE, Euratom) tat-22 ta’ Marzu 2004, jistabbilixxu d-dritt għal uffiċjal li javża lis-superjuri ġerarkiċi tiegħu, jew lil korp estern, dwar l-eżistenza ta’ irregolaritajiet serji li tagħhom huwa jkun xhud fi ħdan l-istituzzjoni tiegħu, sabiex dawn l-irregolaritajiet isiru magħrufa u, jekk ikun hemm bżonn, issanzjonati. B’hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi espressament li “[k]ull uffiċjal li matul jew f’konnessjoni mal-qadi ta’ dmirijietu, isir jaf b’xi fatti li joħolqu supposizzjoni għall-eżistenza ta’ attività possibbilment illegali, inklużi frodi jew korruzzjoni, li hija detrimentali għall-interessi tal-[Unjoni], jew ta’ kondott relatata mat-twettiq tad-dmirijiet professjonali li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas serju biex iħarsu l-obbligi ta’ l-uffiċjali tal-[Unjoni], għandhu mingħajr dewmien javża jew lis-superjur ta’ fuqu eżatt jew id-Direttur Ġenerali tiegħu jew, jekk jaħseb li tkun utli, lis-Segretarju Ġenerali, jew il-persuni fil-posizzjonijiet ekwivalenti, jew dirett lill-[OLAF]”.
55 Fil-każ partikolari ta’ membri tal-persunal tal-KESE, id-dritt ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal li javża lis-superjuri ġerarkiċi tiegħu, jew direttament lill-OLAF, jinsab ukoll f’test partikolari, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni nru 363/99 A, li jipprovdi li “[k]ull uffiċċjal jew impjegat tas-Segretarjat Ġenerali li jinduna b’xi evidenza li jista’ jirriżulta f’preżunzjoni ta’ każ ta' frodi, korruzzjoni jew kull attività illegali oħra li tmur kontra l-interessi tal-Komunitajiet, jew b’xi sitwazzjonijiet serji dwar ir-rilaxx ta’ dmirijiet professjonali li jistgħu jammontaw għal nuqqas ta’ ħarsien lejn l-obbligazzjonijiet ta’ uffiċċjali jew impjegati tal-Komunitajiet li kapaċi jirriżulatw f’proċeduri dixxipplinarji jew, f’każijiet xierqa, proċeduri kriminali, jew bin-nuqqas li jitħarsu l-obbligazzjonijiet analogi tal-membri, tad-diriġenti jew tal-membri tal-persunal mhux suġġetti għar-Regolamenti tal_persunal, għandhom jinfurmaw minnufih il-Kap tas-Servizz jew id-Direttur Ġenerali jew, jekk jaħseb li huwa xieraq, direttament lis-Segretarju Ġenerali ta’ l-[OLAF]”
56 Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, meta uffiċjal ikun uża l-possibbiltà mogħtija lilu mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li javża lis-superjuri ġerarkiċi tiegħu jew lil korp estern, l-Artikolu 22a(2) tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal jobbliga lill-persuna li tkun irċeviet l-informazzjoni li “[t]ittrasmetti lil OLAF, kull evidenza li [t]af biha, li minnha l-eżistenza ta’ l-irregolaritajiet riferuti fil-paragrafu 1 tista’ tkun preżunta.”.
57 Dan l-obbligu ta’ komunikazzjoni lill-OLAF tal-informazzjoni mibgħuta minn uffiċjal li jkun għamel it-twissija huwa mfakkar wkoll, fir-rigward tal-KESE, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 363/99 A, li jipprovdi li “[i]s-segretarju ġenerali [...] u l-Kapijiet tas-Servizzi (jew id-diriġenti) tal-[KESE] għandhom jibagħatu minnufih lill-[OLAF] l-provi kollha li saru jafu bihom u li minn dawn jistaw jirreżultaw xi irregolaritajiet skon l-ewwel paragrafu”.
58 Fl-aħħar nett, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 60(6) tar-Regolament Finanzjarju u tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 2342/2002 li kull membru tal-persunal involut, fi ħdan istituzzjoni, “fil-ġestjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni u fil-kontroll ta’ operazzjonijiet” huwa obbligat li jinforma lil-OLAF f’każ ta’ “frodi, korruzzjoni jew kull attivita illegali oħra ta’ detriment għall-interessi tal-Komunità”.
59 Il-kwistjoni li għandha tiġi deċiża mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hija jekk u sa fejn id-deċiżjoni, li permezz tagħha superjur ġerarkiku li jkun irċieva mingħand uffiċjal informazzjoni bħal dik imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jidhirlu li ma għandux jikkomunika dik l-informazzjoni lill-OLAF, tikkostitwixxix jew le att li jikkawża preġudizzju għal dak l-uffiċjal.
60 Din id-domanda għandha tingħata risposta negattiva fil-każ partikolari fejn l-informazzjoni mogħtija mill-uffiċjal li jkun avża lis-superjuri ġerarkiċi tiegħu tkun tikkonċerna fatti li, għalkemm jippreġudikaw l-interessi tal-Unjoni jew juru nuqqas serju minn membru jew membri tal-persunal għall-obbligi ta’ uffiċjali, ma jkunux jikkonċernawh direttament.
61 Effettivament, għandu jitfakkar li, skont it-termini stess tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, uffiċjal li jkun beħsiebu jakkuża l-eżistenza ta’ attività illegali eventwali jew ta’ nuqqas serju mill-obbligi tal-uffiċjali jista’ jikkomunika direttament lill-OLAF il-provi li jidhirlu li jkollu fir-rigward tal-eżistenza ta’ dawk l-irregolaritajiet. B’hekk, fl-ipoteżi fejn il-persuna infurmata mill-uffiċjal tirrifjuta li tinnotifika lil-OLAF, dak l-uffiċjal dejjem għandu l-fakultà li jirrikorri direttament għand l-OLAF.
62 Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li uffiċjal ma huwiex awtorizzat li jaġixxi fl-interess tal-liġi jew tal-istituzzjonijiet u u jista’ jinvoka biss, insostenn ta’ rikors, ilmenti li jikkonċernaw lilu personalment (digriet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tas-7 ta’ Lulju 1998, Moncada vs Il-Kummissjoni, T-178/97, punt 39). Issa, li jiġi aċċettat li uffiċjal li jkun avża lis-superjur ġerarkiku tiegħu bl-eżistenza ta’ irregolaritajiet li ma jikkonċernawhx direttament jista’ jippreżenta rikors kontra r-rifjut ta’ dan is-superjur ġerarkiku li jikkomunika din l-informazzjoni lill-OLAF, ikun jammonta għal ammissjoni li dan l-uffiċjal huwa awtorizzat li jaġixxi fl-interess tal-liġi. Tali konklużjoni hija madankollu bla ħsara għall-possibbiltà għal dak l-uffiċjal, fl-ipoteżi fejn ikun jidhirlu li safa vittma ta’ deċiżjoni li tippreġudika l-interessi tiegħu minħabba l-informazzjoni mogħtija lis-superjuri ġerarkiċi tiegħu, li jippreżenta rikors kontra dik id-deċiżjoni.
63 F’din il-kawża, kif intqal, il-fatti akkużati mir-rikorrent fit-talba għal riferiment lill-OLAF ma jikkonċernawhx direttament, għaliex huwa jikkontesta, b’mod partikolari, ir-rifjut tas-Segretarju Ġenerali li jagħti sanzjoni dixxiplinarja kontra uffiċjal tal-KESE, l-għoti irregolari tal-pożizzjonijiet ta’ direttur fi ħdan il-KESE jew l-użurpazzjoni mis-Segretarju Ġenerali tal-prerogattivi tal-uffiċċju fil-qasam tal-ħatra ta’ uffiċjali oħrajn tal-KESE.
64 Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, inkwantu din tiċħad it-talba għal riferiment lill-OLAF, ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrent u li, konsegwentement, it-talbiet għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni għandhom, b’dan il-mod, jiġu miċħuda bħala inammissibbli.
Dwar it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, sa fejn din ċaħdet it-talba għall-assistenza
65 Insostenn tal-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq, ir-rikorrent jqajjem għadd ta’ lmenti li jistgħu, essenzjalment, jinġabru taħt tliet motivi, ibbażati rispettivament fuq:
– in-nuqqas ta’ kompetenza tal-President biex jadotta d-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, il-ksur tal-proċedura u n-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 41 tal-Karta;
– il-ksur tal-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, tad-deċiżjoni tal-president tal-KESE Nru 635/05 A li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni li jirrigwardaw il-proċeduri dixxiplinarji u l-investigazzjonijiet amministrattivi (iktar ’il quddiem id-“DGE tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal”), u tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża;
– il-ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-obbligu ta’ assistenza, tan-nuqqas ta’ osservanza tal-Karta u tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.
Fuq il-motiv li jirriżulta min-nuqqas ta’ kompetenza tal-President biex jadotta d-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, il-ksur tal-proċedura u n-nuqqas ta’ ħarsien tal-Artikolu 41 tal-Karta
– L-argumenti tal-partijiet
66 Ir-rikorrent jallega li d-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, inkwantu din tiċħad it-talba għal assistenza, kellha tittieħed mill-uffiċċju u mhux, kif fil-fatt seħħ, mill-President.
67 Ir-rikorrent jiddikjara wkoll li l-KESE wettaq għadd ta’ irregolaritajiet proċedurali, billi ma osservax b’mod partikolari l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta kif ukoll ir-regoli ta’ funzjonament tal-uffiċċju adottati fit-23 ta’ Ottubru 2007. Effettivament, bl-eċċezzjoni tal-President u tal-Presidenti tal-grupp, il-membri tal-uffiċċju qatt ma kellhom aċċess għat-talba għal assistenza. Bl-istess mod, il-membri tal-uffiċċju lanqas ma kellhom aċċess għall-kontenut tal-abbozz tad-deċiżjoni li ċaħdet it-talba għall-assistenza. Fl-aħħar nett, il-minuti tal-laqgħat tal-uffiċċju ma kienu jagħmlu ebda riferiment la għad-deċiżjoni li finalment ġiet adottata u lanqas għad-dikjarazzjonijiet tal-membri tal-uffiċċju.
68 Il-KESE jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.
– Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku
69 Skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 72(1) tar-Regoli tal-Proċedura, is-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-awtorità li għandha s-setgħa ta’ ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) huma eżerċitati, f’dak li jirrigwarda l-uffiċjali tal-gradi AD 13, AD 12 u AD 11, mill-President, fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali.
70 F’din il-kawża, huwa paċifiku li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, inkwantu din ċaħdet it-talba għal assistenza, ir-rikorrent kien uffiċjal tal-grad AD 13. B’hekk dik id-deċiżjoni ttieħdet mill-President b’osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-tielet inċiż tal-Artikolu 72(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Minn dan isegwi li r-rikorrent ma huwiex fondat meta jallega li d-deċiżjoni hawn fuq imsemmija kellha tittieħed mill-bureau u mhux mill-President.
71 Barra minn hekk, peress illi, hekk kif għadu kemm intqal, il-President u mhux l-uffiċċju kellu l-kompetenza li jiddeċiedi dwar talba għal assistenza, l-ilment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ irregolaritajiet proċedurali li jaffettwaw id-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, b’mod partikolari inkwantu l-membri tal-uffiċċju ma kinux involuti fl-ipproċessar tat-talba għal assistenza, għandu jiġi miċħud bħala inapplikabbli.
72 Isegwi li l-ewwel motiv imqajjem għandu jiġi miċħud.
Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, tad-DGE tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, u tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża
– L-argumenti tal-partijiet
73 Ir-rikorrent isostni li, fit-talba għal assistenza, huwa ta’ mill-inqas beda jagħti prova tar-realtà tal-fastidju psikoloġiku li tiegħu kien safa vittma, u b’mod partikolari, tat-tentattivi tas-segretarju ġenerali li jippreġudika l-indipendenza tas-servizz legali. Issa, minflok ma fetaħ, bħala ma kien imissu jagħmel, investigazzjoni amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 86(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikoli 1 u 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 2 tad-DGE tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, il-President ordna biss li l-kap tal-kabinett tiegħu jipproċedi għal sempliċi eżami preliminari, u barra minn hekk il-konklużjonijiet tiegħu ma ġewx ikkomunikati lilu qabel id-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010.
74 Fit-tweġiba tiegħu, il-KESE jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.
– Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku
75 Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jipproteġu lill-persunal tagħhom kontra fastidju jew trattament degradanti ta’ kull xorta min-naħa tas-superjuri ġerarkiċi tagħhom. Barra minn hekk, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, skont l-obbligu ta’ assistenza, l-amministrazzjoni għandha, meta jseħħ inċident inkompatibbli mal-ordni u s-serenità tas-servizz, tintervjeni bl-isforz kollu meħtieġ u tirrispondi malajr u bil-premura meħtieġa għaċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex jiġu stabbiliti l-fatti u tasal għal, meta jsiru magħrufa l-fatti, il-konsegwenzi xierqa. Għal dan il-għan, huwa suffiċjenti li l-uffiċjal li jitlob il-protezzjoni tal-istituzzjoni tiegħu jipproduċi provi li juru li verament kien hemm l-attakki li huwa jsostni li kien suġġett għalihom. Fil-preżenza ta’ tali elementi, hija l-istituzzjoni inkwistjoni li għandha tieħu l-miżuri xierqa, b’mod partikolari billi tagħmel investigazzjoni, sabiex tistabbilixxi l-fatti li taw lok għall-ilment, b’kollaborazzjoni mal-awtur tat-talba (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il-Kummissjoni, 224/87, punti 15 u 16 ; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tal-21 ta’ April 1993, Tallarico vs Il-Parlament, T-5/92, punt 31, u tal-5 ta’ Diċembru 2000, Campogrande vs Il-Kummissjoni, T-136/98, punt 42).
76 F’din il-kawża, jirriżulta mill-atti tal-proċess li, wara li tressqet it-talba għal assistenza, fi żmien tliet ijiem jiġifieri fl-10 ta’ Diċembru 2009, il-President ta istruzzjoni lill-kap tal-kabinett tiegħu biex jipproċedi għal “eżami preliminari” tal-allegazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku u tal-irregolaritajiet li bihom kien akkużat is-Segretarju Ġenerali. Wara li sema’ lir-rikorrent, fil-15 ta’ Diċembru 2009 u fl-14 ta’ Jannar 2010, u lill-persuni li saru akkużi kontra tagħhom fit-talba għal assistenza, il-kap tal-kabinett tal-president stabbilixxa, f’Jannar 2010, rapport iddettaljat fejn huwa eżamina u ddiskuta l-fondatezza tad-diversi akkużi fformulati mir-rikorrent kontra s-Segretarju Ġenerali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-KESE ssodisfa l-obbligu tiegħu skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti, jiġifieri li ssir investigazzjoni sabiex jiġu stabbiliti l-fatti li wasslu għat-talba għal assistenza b’kollaborazzjoni mal-awtur tat-talba.
77 Fir-rigward tal-argument li l-KESE kien imissha fetħet investigazzjoni amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 86(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikoli 1 u 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 2 tad-DGE tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, dan għandu jiġi miċħud. Effettivament, peress li jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-investigazzjonijiet amministrattivi previsti fihom għandhom isiru fil-qafas ta’ proċedura dixxiplinarja u għandhom jinfetħu biss meta jkun hemm provi li jindikaw l-eżistenza ta’ nuqqas mill-obbligi tal-uffiċjal, it-talba għal assistenza ma kien fiha ebda element li jiġġustifika, mingħajr ma l-ewwel isir eżami preliminari, il-ftuħ ta’ tali investigazzjoni amministrattiva ta’ natura dixxiplinarja kontra s-Segretarju Ġenerali.
78 Finalment, ma jistax jintlaqa’ l-ilment li l-KESE, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża, naqas milli jikkomunika lir-rikorrent, qabel iċ-ċaħda tat-talba għall-assistenza, il-konklużjonijiet tar-rapport maħruġ mill-kap tal-kabinett tal-President kif ukoll id-diversi minuti ta’ seduti organizzati fil-kuntest tal-investigazzjoni mmexxija minnu. Ċertament, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju lil tali persuna jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi żgurat, anki fl-assenza ta’ kull leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura inkwistjoni (ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Lulju 1997, Gaspari vs Il-Parlament, T-36/96, punt 32). Madankollu, f’din il-kawża, il-proċedura miftuħa mit-talba għal assistenza ma tistax titqies bħala proċedura miftuħa kontra r-rikorrent (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ġunju 2000, K vs Il-Kummissjoni, T-67/99, punt 72). B’hekk, id-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, inkwantu din tiċħad it-talba għal assistenza, ma tinsabx fost in-numru ta’ deċiżjonijiet li għalihom id-drittijiet tad-difiża għandhom jiġu rrispettati.
79 Għaldaqstant, it-tieni motiv imqajjem għandu jiġi miċħud.
Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-obbligu ta’ assistenza, tan-nuqqas ta’ osservanza tal-Karta u tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni
– L-argumenti tal-partijiet
80 Ir-rikorrent jallega li huwa kien vittma ta’ fastidju psikoloġiku u li, għaldaqstant, meta ċaħad it-talba għal assistenza, il-President wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, kiser l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-obbligu ta’ assistenza, u mar kontra l-Artikolu 1 kif ukoll l-Artikolu 31(1) tal-Karta, li jipprovdu, rispettivament, li “[i]d-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli [u] għandha tkun irrispettata u protetta” u li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu”.
81 Il-KESE jirribatti li r-rikorrent kien qiegħed jikkwalifika bħala fastidju psikoloġiku dak li ma kien xejn ħlief diffikultajiet fir-relazzjonijiet mas-Segretarju Ġenerali u nuqqas ta’ qbil dwar il-fajls ta’ natura legali.
– Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku
82 L-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxi l-fastidju psikoloġiku bħala “imġiba mhux xierqa” li sabiex iseħħ jeħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel kundizzjoni tirrigwarda l-eżistenza ta’ aġir fiżiku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra li jimmanifestaw ruħhom “tul perjodu, [...] ripetittiv[...] jew sitematik[u]”, li jimplika li l-fastidju psikoloġiku għandu jinftiehem bħala proċess li jseħħ neċessarjament ratione temporis u jippresupponi l-eżistenza ta’ aġir repetut u kontinwu, u li huwa “intenzjonali”. It-tieni kundizzjoni kumulattiva, magħquda mal-ewwel waħda bil-prepożizzjoni “u”, teħtieġ li dan l-aġir fiżiku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra jkollhom bħala effett li jippreġudikaw il-personalità, id-dinjità, jew integrità fi[ż]ika jew psikoloġika ta’ xi persuna. Peress li l-aġġettiv “intenzjonali” jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, u mhux it-tieni waħda, huwa possibbli li jinsiltu żewġ konklużjonijiet. Minn naħa, l-aġir fiżiku, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra, previsti mill-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom ikunu ta’ natura volontarja, ħaġa li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-aġir li jseħħ b’mod aċċidentali. Min-naħa l-oħra, mhux meħtieġ li dan l-aġir fiżiku, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra jkunu twettqu bl-intenzjoni li jippreġudikaw il-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ xi persuna.
83 Fi kliem ieħor, jista’ jkun hemm fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr mal-persuna li tagħti fastidju jkollha l-intenzjoni, permezz tal-aġir tagħha, li tiskredita lill-vittma jew deliberatament tiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. Huwa biżżejjed li dak l-aġir, meta jkun twettaq b’mod volontarju, ikun wassal oġġettivament għal dawk il-konsegwenzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Diċembru 2008, Q vs Il-Kummissjoni, F-52/05, punt 135, mhux annullata fuq dan il-punt mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs Q, T-80/09 P, u tas-16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il-Kummissjoni, F-42/10, punt 65).
84 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tittieħed deċiżjoni dwar l-ilment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku, li jeħtieġ li tiġi eżaminata r-realtà tal-aġir allegat kontra s-Segretarju Ġenerali mir-rikorrent u li jiġi ddeterminat jekk dak l-aġir kellux l-effett li oġġettivament jippreġudika l-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoġoloġika tiegħu.
85 Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jargumenta li s-Segretarju Ġenerali pprova jagħmel pressjoni fuqu sabiex jiffirma, fil-kwalità tiegħu bħala kap tas-servizz legali, pariri legali li kienu legalment żbaljati. Dan kien il-każ b’mod partikolari fl-okkażjoni tal-promozzjoni retroattiva ta’ uffiċjal.
86 F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-atti tal-proċess li, fil-25 ta’ Jannar 2009, fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni tal-2008, il-President iddeċieda li jippromwovi lil uffiċjal b’mod retroattiv sa mill-1 ta’ Jannar 2008, bi ksur manifest tar-regoli fis-seħħ fi ħdan il-KESE.
87 Madankollu, għalkemm dik id-deċiżjoni ġiet adottata “fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali”, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ma akkużax lil dan tal-aħħar li dik id-deċiżjoni illegali oriġinat minnu, u saħansitra rrikonoxxa li s-Segretarju Ġenerali kien aġixxa taħt il-pressjoni ta’ membru tal-uffiċċju li kien qiegħed jaspira li jsir President tal-KESE.
88 Barra minn hekk, ir-rikorrent ma ressaq ebda element suffiċjentement probatorju insostenn tal-affermazzjoni, li hija barra minn hekk formalment ikkontestata mill-KESE, li s-Segretarju Ġenerali kien tah l-ordni, matul laqgħa li saret fit-8 ta’ Ġunju 2009, li jifformula parir legali bil-għan li tiġi stabbilita l-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni. B’mod partikolari, il-minuti ta’ dik il-laqgħa, li barra minn hekk inkitbu mir-rikorrent innifsu, ma jagħtu ebda prova tal-eżistenza ta’ tali pressjoni u lanqas ta’ insulti li saru mis-Segretarju Ġenerali fil-konfront tiegħu matul dik il-laqgħa.
89 Barra minn hekk, huwa minnu li, dakinhar stess, jiġifieri fit-8 ta’ Ġunju 2009, is-Segretarju Ġenerali bagħat lil membri tal-persunal tal-KESE messaġġ elettroniku li fih huwa indika li, fl-ipoteżi ta’ rikors kontenzjuż kontra d-deċiżjoni ta’ promozzjoni retroattiva kkonċernata, kien ikun jaqbel li jintużaw is-servizzi ta’ avukat, għaliex “kien ċar li r-rikorrent ma [kienx] f’pożizzjoni li jassisti lill-amministrazzjoni fis-sens stabbilita minnha”.
90 Madankollu, meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi li fihom intbagħat dak il-messaġġ elettroniku, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li dan kellu l-iskop mhux li jikkontesta l-kapaċitajiet professjonali tar-rikorrent, iżda li tittieħed nota tan-neċessità, fid-dawl tal-kritika mtennija tar-rikorrent kontra l-legalità tad-deċiżjoni ta’ promozzjoni inkwistjoni, li jitqabbad avukat ieħor sabiex jieħu ħsieb id-difiża tal-KESE f’każ ta’ rikors kontenzjuż. Barra minn hekk, fil-minuti li huwa ħa tal-laqgħa tat-8 ta’ Ġunju 2009, ir-rikorrent semma li huwa stess kien ippropona lis-Segretarju Ġenerali li jirrikorri għal dik is-soluzzjoni.
91 B’hekk, l-ilment li s-Segretarju Ġenerali pprova jagħmel pressjoni fuq is-servizz legali għandu jiġi miċħud.
92 Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-KESE kien ippubblika avviż ta’ pożizzjoni vakanti fejn il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-għażla kienu ġew ifformulati apposta b’tali mod sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tiegħu.
93 F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-atti tal-proċess li, fis-6 ta’ Lulju 2009, ġie ppubblikat fuq l-intranet tal-KESE, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti Nru 26/09 (iktar ’il quddiem l-“l-ewwel avviż ta’ pożizzjoni vakanti”) li kien intiż biex timtela l-pożizzjoni ta’ direttur tal-affarijiet ġenerali tal-KESE fil-grad AD 14 u li dak l-avviż, li kien indirizzat lill-uffiċjali tal-KESE u ta’ istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni, kien jeħtieġ, fost kundizzjonijiet oħrajn “għarfien profond ta’ żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien ta’ mill-inqas lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea” u kien jippreċiża li “għal raġunijiet ta’ servizz, għarfien tajjeb [tal-Ingliż] u [tal-Franċiż] huwa importanti ħafna”. Ir-rikorrent ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-pożizzjoni msemmija fl-ewwel avviż ta’ pożizzjoni vakanti.
94 Sussegwentement, wara li l-uffiċċju ddeċieda, fid-29 ta’ Settembru 2009, li jirtira l-ewwel avviż ta’ pożizzjoni vakanti u li “jippubblika mill-ġdid [il-pożizzjoni vakanti] skont l-Artikolu 29[(1) u (2)] tar-Regolamenti tal-Persunal”, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti Nru 43/09 li kien intiż biex timtela l-istess pożizzjoni ta’ direttur tal-affarijiet ġenerali ġie ppubblikat kemm fuq l-intranet tal-KESE kif ukoll f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 247 A, p. 1, iktar ’il quddiem l-“avviż ġdid ta’ pożizzjoni vakanti”). Ir-rekwiżiti lingwistiċi li kienu jinsabu fl-avviż ġdid ta’ pożizzjoni vakanti kienu jgħidu hekk: “Għarfien profond ta’ lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien tajjeb ħafna ta’ mill-inqas żewġ lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni Ewropea. Għal raġunijiet ta’ servizz, għarfien tajjeb tal-Ingliż u tal-Franċiż huwa importanti ħafna.” Ir-rikorrent ikkonferma l-applikazzjoni tiegħu għall-pożizzjoni msemmija fl-avviż ġdid ta’ pożizzjoni vakanti qabel ma rtiraha fit-3 ta’ Diċembru 2009.
95 Ċertament, kif iddeċieda t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b’sentenza separata llum stess (sentenza tal-25 ta’ Settembru 2012, Bermejo Garde vs KESE, F-51/10), tali bidla fir-rekwiżiti lingwistiċi kellha l-effett li teskludi fil-prattika l-applikazzjoni tar-rikorrent mill-pożizzjoni ta’ direttur tal-affarijiet ġenerali, peress li huwa kellu għarfien profond ta’ lingwa uffiċjali waħda (l-Ispanjol), għarfien ta’ mill-inqas tajjeb ħafna ta’ lingwa uffiċjali oħra (il-Franċiż), iżda biss “għarfien tajjeb” tat-tielet lingwa tal-Unjoni (l-Ingliż). It-Tribunal b’hekk ikkonkluda li l-avviż ġdid ta’ pożizzjoni vakanti kien jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrent.
96 Madankollu, ir-rikorrent ma jipprovdix indikazzjonijiet preċiżi u konsistenti li jistgħu jissostanzjaw l-allegazzjoni li r-rekwiżiti lingwistiċi ġew immodifikati bil-għan li tiġi eskluża l-kandidatura tiegħu.
97 Għall-kuntrarju, jirriżulta mill-atti tal-proċess li l-KESE informa lir-rikorrent kif ukoll lill-kandidati l-oħrajn li, bħalu kienu applikaw għall-ewwel avviż ta’ pożizzjoni vakanti, li kienu ser jitqiesu, ħlief jekk ma jaqblux, bħala kandidati wkoll għall-avviż ġdid ta’ pożizzjoni vakanti, li jikkontradixxi l-allegazzjoni ta’ abbuż ta’ poter.
98 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta wkoll mill-atti tal-proċess, li rekwiżiti lingwistiċi identiċi għal dawk li jinsabu fl-avviż ġdid ta’ pożizzjoni vakanti kienu jinsabu wkoll f’avviż ta’ pożizzjoni vakanti preċedenti, ippubblikat fl-24 ta’ Frar 2009, li kien intiż biex jimla l-pożizzjoni ta’ direttur tar-riżorsi umani u finanzjarji.
99 Fit-tielet lok, ir-rikorrent jallega li s-Segretarju Ġenerali kien sejjaħlu għal laqgħa organizzata fil-15 ta’ Ottubru 2009 bil-pretest li jerġgħu jiġu stabbiliti relazzjonijiet tajba bejn is-Segretarjat Ġenerali u s-servizz legali iżda li, fil-fatt, spiċċat kienet “seduta ta’ natura dixxiplinarja”. Madankollu, ir-rikorrent ma pproduċa ebda prova li l-laqgħa inkwistjoni kienet ta’ tali natura. B’mod partikolari, il-preżenza, matul dik il-laqgħa, maġenb is-Segretarju Ġenerali, tal-kap tal-Diviżjoni “Servizz ta’ assistenza għall-persunal, drittijiet individwali, opportunitajiet indaqs” ma tikkostitwixxix tali prova.
100 F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-fatti akkużati mir-rikorrent kontra s-Segretarju Ġenerali, kemm jekk jittieħdu b’mod iżolat jew flimkien, ma kellhomx l-effett li oġġettivament jippreġudikaw il-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoloġika tar-rikorrent, il-motiv li jallega li l-President wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjuta li jikkonstata li huwa kien safa vittma ta’ fastidju psikoloġiku u meta ċaħad it-talba għal assistenza, għandu jiġi miċħud.
101 Fl-aħħar nett, għalkemm ir-rikorrent jallega li l-President ipprova jikkonvinċih li jirtira purament u sempliċement it-talba tiegħu għal assistenza, li skont huwa kien juri l-parzjalità tiegħu, din iċ-ċirkustanza tixhed biss li l-President, peress li kien konvint bin-natura infondata tal-akkużi ta’ fastidju psikoloġiku mqajma mir-rikorrent, ħass il-bżonn, fl-osservanza tad-dmir ta’ premura u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li jipprova jsolvi t-tilwima amikevolment. Fi kwalunkwe każ, dik l-inizjattiva ma tistax taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, inkwantu din ċaħdet it-talba għal assistenza, li kif intqal saret matul proċedura regolari u li ma hija vvizzjata b’ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni.
102 Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, inkwantu din tiċħad it-talba għal assistenza, għandhom jiġu miċħuda.
2. Dwar it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni li ttemm il-funzjonijiet preċedenti u d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid
103 Insostenn tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, li jikkostitwixxu, fir-rigward tal-portata tagħhom, atti ta’ jikkawżaw preġudizzju lir-rikorrent (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ April 2002, Fronia vs Il-Kummissjoni, T-51/01, punt 32), seba’ motivi essenzjalment huma mressqa, ibbażati rispettivament fuq:
– l-inkompetenza tal-awtur tal-att;
– ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża;
– ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni;
– ksur tal-Artikoli 12a, 22a u 86 tar-Regolamenti tal-Persunal;
– żball manifest ta’ evalwazzjoni;
– ksur tad-dmir ta’ premura u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba;
– ksur tal-Artikolu 22b(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.
Fuq il-motiv ibbażat fuq l-inkompetenza tal-awtur tal-att
L-argumenti tal-partijiet
104 Ir-rikorrent josserva li, lil hinn mill-apparenzi, l-awtur veru tad-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid kien is-Segretarju Ġenerali u mhux il-President, kif jixhed il-fatt li, fid-deċiżjoni li temmet il-funzjonijiet preċedenti, il-President kien iddelega lis-segretarju ġenerali l-missjoni li jiddetermina l-funzjonijiet il-ġodda tar-rikorrent.
105 Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrent jiddikjara wkoll li d-diċitura tad-deċiżjonijiet inkwistjoni turi li dawn ittieħdu wara konsultazzjoni u bi ftehim mas-Segretarju Ġenerali, waqt li, f’dan il-qasam, l-Artikolu 72(1) tar-Regoli ta’ Proċedura jagħti lis-Segretarju Ġenerali biss il-poter li jagħmel proposti.
106 Il-KESE twieġeb li l-President kellu l-kompetenza li jieħu d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid.
Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku
107 Kif intqal fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, it-tielet inċiż tal-Artikolu 72(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-KESE jipprovdi li s-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra huma eżerċitati, fir-rigward tal-uffiċjali tal-gradi AD 13, AD 12 u AD 11, mill-President, fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali.
108 F’din il-kawża, jirriżulta mid-diċitura stess tad-deċiżjonijiet li jtemmu l-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid li dawk id-deċiżjonijiet ġew adottati mill-President, kif tixhed il-firma tiegħu fil-qiegħ ta’ dawk id-deċiżjonijiet.
109 Ir-rikorrent madankollu jinvoka l-fatt li, fl-addendum tal-24 ta’ Marzu 2010, il-President indika li l-“miżuri [ta’ traspożizzjoni]” tad-deċiżjoni li jtemmu l-funzjonijiet preċedenti, jiġifieri d-determinazzjoni tal-funzjonijiet ġodda tiegħu, “ittieħdu mis-Segretarju Ġenerali”. Madankollu ma jistax jiġi dedott sempliċement minn din id-diċitura li d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, li kienu jġibu l-firma tal-President, kienu fil-fatt adottati mis-Segretarju Ġenerali u mhux mill-President. Barra minn hekk, fl-addendum tal-24 ta’ Marzu 2010, il-President kien enfasizza li dawk il-“miżuri [ta’ traspożizzjoni]” kienu eżegwiti “taħt l-awtorità tiegħu”.
110 Fl-aħħar nett, waqt li huwa minnu li, fid-deċiżjonijiet li jtemmu l-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, il-President indika li dawn kienu ttieħdu “bil-kunsens tas-Segretarju Ġenerali”, dik il-formulazzjoni, għalkemm setgħet saret aħjar, ma timplikax li l-President ħaseb b’mod żbaljat li huwa marbut b’opinjoni favorevoli tas-Segretarju Ġenerali u li b’hekk interpreta b’mod żbaljat il-portata tas-setgħat tiegħu taħt it-tielet inċiż tal-Artikolu 72(1) tar-Regoli tal-Proċedura.
111 Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq l-inkompetenza tal-awtur tal-att għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża
L-argumenti tal-partijiet
112 Ir-rikorrent jargumenta li l-President, peress li ma semgħux qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, mar kontra l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, liema prinċipju huwa stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 41(2) tal-Karta.
113 Il-KESE jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.
Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku
114 Ġie deċiż li deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid kontra r-rieda ta’ uffiċjal, prevista fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diffiċli bħal f’din il-kawża, teħtieġ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Diċembru 2007, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, C-59/06 P, punt 46).
115 B’hekk, tali deċiżjoni tista’ tittieħed biss wara li l-individwu kkonċernat ikun ingħata l-opportunità li jesprimi utilment il-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni, fil-kuntest ta’ skambju fil-fomm u/jew bil-miktub mibdi mill-Awtorità tal-Ħatra u li jrid jiġi pprovat minn din tal-aħħar (sentenza Marcuccio vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).
116 F’din il-kawża, jirriżulta mill-atti tal-proċess li, fid-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, il-President informa lir-rikorrent bl-intenzjoni tiegħu li jipproċedi għall-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu, peress li huwa indikalu li dalwaqt kien ser jagħtih “kariga li tikkorrispondi mal-kwalifiki u mal-grad tiegħu […] f’diviżjoni oħra li ma kinitx is-servizz legali”.
117 B’hekk, kien possibbli għar-rikorrent, bħala d-destinatarju tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, li jingħata l-opportunità li jifformula l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-pjan ta’ assenjament mill-ġdid li kien jikkonċerna lilu.
118 F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li r-rikorrent tpoġġa f’pożizzjoni li jikkomunika l-perspettiva tiegħu qabel ma l-President adotta d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi miċħud.
Fuq il-motiv ibbażat fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
119 Ir-rikorrent jallega li d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ma kinux immotivati, bi ksur tal-Artikolu 41(2) tal-Karta.
120 Il-KESE jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.
Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku
121 Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu l-iskop, minn naħa waħda, li jipprovdi lill-individwu kkonċernat indikazzjoni suffiċjenti sabiex jevalwa l-fondatezza tal-att li jikkawżalu preġudizzju u l-opportunità li jippreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, min-naħa l-oħra, sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jistħarreġ il-legalità tal-att (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T-132/03, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Karta tafferma, fl-Artikolu 41(2)(ċ), li d-dritt fundamentali għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari “obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha”.
122 Barra minn hekk, deċiżjoni li timplika ċ-ċaqliq ta’ uffiċjal kontra r-rieda tiegħu hija att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal u għandha, għaldaqstant, tkun immotivata (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Novembru 1999, Sabbioni vs Il-Kummissjoni, T-129/98, punt 28).
123 Fl-aħħar nett, skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha, f’kull każ, tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi konkreti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1977, Geist vs Il-Kummissjoni, 61/76, punt 28, u tat-13 ta’ Diċembru 1989, Prelle vs Il-Kummissjoni, C-169/88, punt 9). B’mod partikolari, deċiżjoni hija mmotivata b’mod suffiċjenti meta din tkun ittieħdet f’kuntest magħruf mill-uffiċjal ikkonċernat, li jippermettilu li jifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-1 ta’ April 2004, N vs Il-Kummissjoni, T-198/02, punt 70).
124 Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, deċiżjoni titqies li ttieħdet f’kuntest magħruf mill-uffiċjal ikkonċernat u, għal dak il-fatt, tissodisfa r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal meta ċ-ċirkustanzi li fihom ikun ġie deċiż l-att inkwistjoni, kif ukoll in-noti ta’ servizz u l-komunikazzjonijiet l-oħrajn li jakkumpanjawh, jippermettu li jsiru magħrufa l-elementi essenzjali li jkunu ggwidaw lill-amministrazzjoni fid-deċiżjoni tagħha (sentenza Sabbioni vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 u 30).
125 F’din il-kawża, huwa minnu li d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ma humiex immotivati b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi u li, b’mod partikolari, id-deċiżjoni li temmet il-funzjonijiet preċedenti sempliċement invokat b’mod ġenerali “l-interess tas-servizz”.
126 Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid saru f’kuntest magħruf għar-rikorrent. Effettivament, fid-deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2010, il-President indika lir-rikorrent li l-miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid li kienet ser tittieħed fi żmien qrib fil-konfront tiegħu kienet iġġustifikata miċ-ċaħda tal-allegazzjonijiet ta’ “persekuzzjoni fuq ix-xogħol” li huwa kien qajjem kontra s-Segretarju Ġenerali, u huwa ddikjara wkoll li dik il-miżura, bħall-miżuri l-oħrajn li setgħu jittieħdu fil-kuntest ta’ din l-assenjazzjoni mill-ġdid, kienet intiża biex “tiffaċilita l-funzjonament tajjeb tal-attività amministrattiva” u li tippermetti li “jingħelbu n-nuqqas ta’ ftehim u d-differenzi fi ħdan is-segretarjat ġenerali, b’osservanza tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u tal-eżerċizzju mill-istrutturi differenti tal-kompetenzi, tar-responsabbiltajiet u tas-setgħat tagħhom”. Barra minn hekk, il-kontenut tal-ilment imressaq mir-rikorrent kontra d-deċiżjonijiet inkwistjoni juri li huwa kien jaf bil-fatt li dawn id-deċiżjonijiet kienu ttieħdu minħabba n-natura infondata, mill-perspettiva tal-amministrazzjoni, tat-talba għal assistenza u tat-talba għal riferiment tal-OLAF.
127 Fi kwalunkwe każ, anki jekk nassumu li l-kuntest li fih ittieħdu d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ma kinux jippermettu lir-rikorrent li jifhem il-portata ta’ dawn id-deċiżjonijiet, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, motivazzjoni insuffiċjenti tista’ tkun koperta minn spjegazzjonijiet kumplimentari mogħtija mill-amministrazzjoni matul il-kawża (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Settembru 1996, Brunagel vs Il-Parlament, T-158/94, punt 115). Issa, dan kien il-każ hawnhekk, peress li l-KESE, fir-risposta u fil-kontroreplika tiegħu, spjega b’mod iddettaljat ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom kienu bbażati d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid. B’hekk, b’mod partikolari fir-risposta, il-KESE osservat li “it-ton personali u l-qilla tad-diversi akkużi li saru mir-rikorrent fl-ilment tiegħu, b’mod partikolari fil-konfront tal-persuna tas-[S]egretarju Ġenerali, [kienu] dgħajfu l-livell ta’ fiduċja meħtieġ b’mod partikolari mill-funzjoni fdata lir-rikorrent bħala kap [tas-servizz legali]” u li “l-unika soluzzjoni vijabbli mill-perspettiva tal-interessi kemm tal-istituzzjoni kif ukoll tar-rikorrent [kienet] li dan tal-aħħar jingħata assenjazzjoni mill-ġdid sabiex b’hekk ma jkollux relazzjoni mill-qrib mas-[S]egretarju [Ġ]enerali”.
128 Minn dan isegwi li t-tielet motiv imqajjem, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi miċħud.
Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 12a, 22a u 86 tar-Regolamenti tal-Persunal
L-argumenti tal-partijiet
129 Ir-rikorrent jallega li, bi ksur tal-Artikoli 12a, 22a u 86 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa kien vittma ta’ sanzjoni moħbija talli talab l-assistenza tal-persuna li timpjegah u talli infurmaha bl-eżistenza ta’ irregolaritajiet serji mwettqa mis-segretarju ġenerali.
130 Il-KESE jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.
Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku
131 L-Artikolu 12a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li “[u]ffiċjal li kien vittma ta’ turment psikoloġiku jew sesswali, m’għandux isofri xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa tal-istituzzjoni” u li “[u]ffiċjal li ngħata evidenza dwar turment psikoloġiku jew sesswali, m’għandux isofri xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa ta’ l-istituzzjoni, sakemm l-uffiċjal aġixxa b’onestà”. Rigward l-Artikolu 22a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, dan jipprovdi li l-uffiċjal li, wara li jkun sar jaf bil-fatti msemmija fl-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri fatti li jistgħu jindikaw attività illegali eventwali, “inklużi frodi jew korruzzjoni, li hija detrimentali għall-interessi [tal-Unjoni]”, jew nuqqas serju mill-obbligi tal-uffiċjali, għandu jinforma direttament lill-ġerarkija tiegħu jew direttament lill-OLAF” u “m’għandux isofri minn xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa ta’ l-istituzzjoni, bħala riżultat talli kkomunika l-informazzjoni riferuta [...] sakemm aġixxa raġonevoli u bl-onestà”. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 86(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, “[k]ull nuqqas minn uffiċjal jew minn dak li qabel kien uffiċjal biex iħares l-obbligi tiegħu taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kemm jekk intenzjonalment jew b’negliġenza min-naħa tiegħu, tista’ tittieħed azzjoni kontrih”
132 F’din il-kawża, ma jistax jiġi kkontestat li r-rikorrent sofra preġudizzju wara l-komunikazzjoni tan-nota tiegħu tas-7 ta’ Diċembru 2009 li fiha kien hemm it-talba għal assistenza u t-talba għal riferiment tal-OLAF. Fil-fatt, minħabba li bagħat dik in-nota, l-individwu kkonċernat ġie mċaħħad mill-funzjonijiet tiegħu bħala kap tas-servizz legali li huwa kien ilu jeżerċita sa mill-1 ta’ Ġunju 1997.
133 Madankollu, dan il-preġudizzju ma jistax jiġi kkwalifikat bħala ksur mill-KESE tal-Artikoli 12a u 22a tar-Regolamenti tal-Persunal ħlief jekk jiġi stabbilit li r-rikorrent effettivament ikkomunika, bona fides, elementi li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza, min-naħa waħda, ta’ fastidju psikoloġiku li tiegħu huwa kien vittma, u min-naħa l-oħra, ta’ attività illegali, b’mod partikolari frodi jew korruzzjoni, jew nuqqas serju mill-obbligi tal-uffiċjali.
134 F’dan ir-rigward, sabiex jiġi ddeterminat jekk uffiċjal użax bona fides d-dritt ta’ żvelar previst fl-Artikoli 12a u 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi.
135 It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu fl-ewwel lok jivverifika jekk l-informazzjoni li l-uffiċjal jiddeċiedi li jikkomunika lill-ġerarkija tiegħu jew, jekk ikun il-każ, direttament lill-OLAF, tikkonċernax irregolaritajiet li jippreżentaw, fl-ipoteżi fejn dawn effettivament ikunu twettqu, gravità ċara. F’dan ir-rigward, xhieda ta’ dan huwa l-fatt li l-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jiċċita l-frodi jew il-korruzzjoni fost l-attivitajiet illegali li l-akkuża tagħhom hija prevista u jiddikjara wkoll li dawn għandhom ikunu “detrimentali għall-interessi tal-Unjoni”. Bl-istess mod, dejjem skont l-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, nuqqas mill-obbligi tal-uffiċjali jista’ jiġi akkużat biss kemm-il darba jkun “serju”.
136 It-tieni fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa l-awtentiċità jew, ta’ mill-inqas, in-natura probabbli tal-informazzjoni żvelata. Effettivament, l-eżerċitar tal-libertà ta’ espressjoni, li taħtha taqa’ l-possibbiltà għal uffiċjal li jakkuża fastidju psikoloġiku jew l-eżistenza ta’ fatti illegali jew ta’ nuqqas serju mill-obbligi ta’ uffiċjali, jinvolvi dmirijiet u responsabbiltajiet, u kull minn jagħżel li jiżvela tali informazzjoni għandu jivverifika b’attenzjoni, sa fejn iċ-ċirkustanzi jkunu jippermettu dan, li dawn huma korretti u kredibbli. B’hekk, l-uffiċjal li jakkuża irregolaritajiet li jaqgħu, fil-fehma tiegħu, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 12a u 22a tar-Regolamenti tal-Persunal huwa obbligat li jiżgura li l-akkużi li huwa jagħmel ikunu bbażati fuq fatti preċiżi jew, ta’ mill-inqas, li jkunu bbażati fuq “bażi fattwali suffiċjenti” (ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Heinisch vs Il-Ġermanja tal-21 ta’ Lulju 2011, Nru 28274/08, § 79). F’dan ir-rigward, ġie deċiż li l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal kien jirrigwarda biss il-komunikazzjoni ta’ fatti konkreti li l-ewwel evalwazzjoni tagħha setgħet twassal lill-uffiċjal li jikkomunikahom biex jippreżumi raġonevolment l-eżistenza ta’ attività illegali jew nuqqas serju u li din id-dispożizzjoni għandha, barra minn hekk, tkun ikkonċiljata mal-obbligi ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità li għandhom l-uffiċjali, bl-obbligu li jħarsu d-dinjità tal-funzjoni tagħhom u bid-dmir tagħhom ta’ lealtà, kif ukoll bl-obbligu li jiġi rrispettat l-unur u l-preżunzjoni ta’ innoċenza tal-persuni kkonċernati (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Jannar 2011, Nijs vs Qorti tal-Awdituri, F-77/09, punti 66 sa 70).
137 It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-mezzi użati mill-uffiċjal biex jipproċedi għall-iżvelar u, b’mod partikolari fir-rigward ta’ irregolaritajiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jivverifika jekk l-uffiċjal ikunx indirizza ruħu lill-awtorità jew korp kompetenti, jiġifieri “lis-superjur ta’ fuqu eżatt jew id-Direttur Ġenerali tiegħu jew, jekk taħseb li tkun utli, lis-Segretarju Ġenerali, jew il-persuni fil-posizzjonijiet ekwivalenti, jew dirett lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF).”.
138 Finalment, il-motiv ta’ uffiċjal li jakkuża illegalitajiet huwa fattur ieħor għall-evalwazzjoni tal-punt jekk huwa jkunx aġixxa in bona fides. Akkuża mmotivata minn ilment jew minn animosità personali jew inkella mill-perspettiva ta’ vantaġġ personali, speċjalment qligħ pekunjarju, ma tistax titqies bħala akkuża in bona fides.
139 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jeżamina l-fondatezza tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 12a, 22a u 86 tar-Regolamenti tal-Persunal.
140 F’din il-kawża, huwa paċifiku li, fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrent għamel akkużi serji prinċipalment kontra s-Segretarju Ġenerali, fejn akkużah b’fastidju psikoloġiku u li wettaq attivitajiet illegali, li wħud minnhom jikkostitwixxu ksur tal-kodiċi kriminali Belġjan.
141 Issa, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li n-nota tat-7 ta’ Diċembru 2009 ma kienet tinkludi ebda element li jista’ jagħti lok għal preżunzjoni ta’ fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, jew attività illegali jew nuqqas serju mill-obbligi ta’ uffiċjali fis-sens tal-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.
142 Effettivament, fl-ewwel lok, ir-rikorrent ilmenta lis-Segretarju Ġenerali li kien iffastidjah psikoloġikament, billi kien eżiġa mingħandu li jifformula pariri legali li kienu legalment żbaljati. Madankollu, ir-rikorrent ma pproduċa ebda prova, kif intqal iktar ’il fuq, li tippermetti li jiġi stabbilit jew ta’ mill-inqas preżunt li huwa kien vittma ta’ aġir li jippreġudika l-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew mentali tiegħu.
143 Fit-tieni lok, ir-rikorrent jakkuża wkoll lis-Segretarju Ġenerali talli astjena milli jirrapporta lill-OLAF il-każ ta’ uffiċjal li kien neħħa materjal li kien jappartjeni lill-KESE, u talli ma impona ebda sanzjoni dixxiplinarja kontra dak l-uffiċjal. Madankollu, tali aġir min-naħa tas-Segretarju Ġenerali ma jistax jiġi kkwalifikat bħala illegalità jew nuqqas serju mill-obbligi tal-uffiċjali fis-sens tal-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, meta jitqies, b’mod partikolari, il-valur modest tal-materjal meħud mill-uffiċjal inkwistjoni u l-parir tal-konsulent tad-dixxiplina li ma tiġi imposta ebda sanzjoni dixxiplinarja kontrih. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li, fuq il-bażi tal-Artikolu 3(b) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, is-Segretarju Ġenerali bagħat twissija lil dak l-uffiċjal.
144 Fit-tielet lok, ir-rikorrent akkuża lis-segretarju ġenerali li mar kontra kemm id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27 tar-Regolament Finanzjarju kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. Effettivament, skont ir-rikorrent, is-Segretarju Ġenerali ta istruzzjoni sabiex l-avukat tal-uffiċjal imsemmi fil-punt preċedenti jitħallas is-somma ta’ EUR 32 019, li tikkorrispondi mal-ispejjeż għall-onorarji ta’ dak l-avukat mhux biss fil-kuntest tal-proċedura dixxiplinarja miftuħa kontra dak l-uffiċjal, iżda wkoll fl-okkażjoni tal-investigazzjoni li saret qabel il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinarja. Kif ifakkar ir-rikorrent, l-Artikolu 21(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li istituzzjoni għandha l-obbligu li tagħmel tajjeb biss għall-ispejjeż relatati ma’ proċedura dixxiplinarja li ma tkun wasslet għal ebda sanzjoni.
145 Madankollu, ma huwiex stabbilit li l-onorarji inkwistjoni ma kinux relatati esklużivament mal-proċedura dixxiplinarja mmexxija kontra l-uffiċjal ħati minn fatti illeċiti. Barra minn hekk, anki jekk ir-rikorrent, fil-kwalità tiegħu bħala kap tas-servizz legali, seta’ leġittimament tistaqsi dwar l-ammont ta’ din is-somma fir-rigward ta’ proċeduri simili fil-qasam tas-servizz pubbliku Ewropew, ma jirriżultax mill-proċess li, meta jitqies it-tul ta’ żmien tal-proċedura dixxiplinarja u tan-numru ta’ seduti li saru mill-kunsill dixxiplinarju, li dik is-somma kienet manifestament eċċessiva u, konsegwentement, li l-istruzzjoni mogħtija mis-Segretarju Ġenerali li jitħallas dak l-ammont kienet tiġġustifika t-talba għal riferiment tal-OLAF.
146 Fir-raba’ lok, dejjem fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrent akkuża l-irregolaritajiet li vvizzjaw, fl-2009, il-proċeduri għall-għoti tal-pożizzjoni ta’ direttur tad-Direttorat A tal-ħidmiet konsultattivi u tad-direttur tar-riżorsi umani u finanzjarji, irregolaritajiet li kienu jikkonċernaw prinċipalment il-kwalifiki meħtieġa sabiex wieħed ikun jista’ jassumi dik il-kariga, il-kompożizzjoni tal-panels tal-għażla jew l-eżami tal-applikazzjonijiet. Waqt li huwa minnu li l-kap tal-kabinett tal-President stess ikkonferma, fir-rapport ta’ investigazzjoni tiegħu, l-eżistenza ta’ “żbalji […] li kellhom jiġu evitati”, ma jirriżultax mill-atti tal-proċess li dawn kienu ta’ natura daqstant serja daqs l-irregolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Finalment, l-individwu kkonċernat stess ippreċiża fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, min-naħa waħda, li l-kandidat magħżul għall-kariga ta’ direttur tad-Direttorat A tal-ħidmiet konsultattivi kien intgħażel wara proċedura eżenti minn “possibiltajiet prattiċi ta’ żbalji jew frodi”, u min-naħa l-oħra li l-proċedura organizzata għar-reklutaġġ ta’ direttur tar-riżorsi umani u finanzjarji kienet finalment ġiet annullata ftit qabel ma ntbagħtet in-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009.
147 Fil-ħames lok, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet li jinsabu fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, ma jirriżultax mill-atti tal-proċess li s-Segretarju Ġenerali użurpa s-setgħat tal-uffiċċju jew tal-President fil-ħatra ta’ ċerti uffiċjali għolja tal-KESE. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, fid-data meta ntbagħtet in-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, li s-Segretarju Ġenerali kien jeżerċita għal iktar minn sena l-funzjonijiet ta’ direttur tar-riżorsi umani u finanzjarji fuq bażi provviżorja, dik is-sitwazzjoni, li ġiet ikkwalifikata wkoll bħala “mhux normali” mill-kap tal-kabinett tal-President fir-rapport tal-investigazzjoni tiegħu, ma kinitx ta’ natura tant serja li setgħet tkun is-suġġett ta’ akkuża skont l-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. L-istess jgħodd fir-rigward tal-akkuża li saret mir-rikorrent kontra s-Segretarju Ġenerali li ma ddeskriviex b’mod preċiż biżżejjed in-natura tal-funzjonijiet u tal-mandat tal-Viċi Segretarju Ġenerali.
148 Fis-sitt u fl-aħħar lok, ir-rikorrent xeħet ukoll dubju, fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, fuq il-kap tad-Diviżjoni “Reklutaġġ, karrieri, taħriġ” tad-Direttorat tar-riżorsi umani u finanzjarji, billi akkużah li kiser l-Artikolu 11 A(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jistabbilixxi li “[u]ffiċjal m’għandux, fil-qadi ta’ dmirijietu u għajr kif ipprovdut minn hawn ’l quddiem, jieħu ħieb affari li fihom, direttament jew indirettament, għandu xi interess personali tali li jfixkel l-indipendenza tiegħu”. F’dan ir-rigward, effettivament jirriżulta mill-atti tal-proċess li dan il-kap ta’ Diviżjoni tad-Direttorat tar-riżorsi umani u finanzjarji kien kandidat għall-pożizzjoni ta’ direttur f’dak l-istess Direttorat u li huwa pprova jikkonvinċi lill-membri tas-servizz legali dwar in-natura żbaljata ta’ parir mogħti minnu fir-rigward tal-possibbiltà għal uffiċjal tal-grad AD 14 li jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal dik il-pożizzjoni. Madankollu, meta jitqiesu r-responsabbiltajiet eżerċitati minn dak il-kap ta’ diviżjoni, l-espressjoni minnu ta’ nuqqas ta’ qbil mal-kontenut ta’ parir tas-servizz legali ma tistax, fiha nfisha, tiżvela ksur minn dak l-uffiċjal tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 11a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.
149 B’hekk, l-informazzjoni li tinsab fin-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009 ma turix l-eżistenza ta’ irregolaritajiet amministrattivi daqstant serji li jagħtu lok għall-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku li tagħha kien vittma r-rikorrent u lanqas, b’mod iktar ġenerali, l-eżistenza ta’ attività illegali, b’mod partikolari frodi jew korruzzjoni, jew nuqqas serju mill-obbligi tal-uffiċjali fis-sens tal-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.
150 Barra minn hekk, filwaqt li l-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-uffiċjal li jkun beħsiebu juża d-dritt tiegħu ta’ akkuża ggarantit minn dak l-artikolu għandu “mingħajr dewmien javża jew lis-superjur ta’ fuqu eżatt jew id-Direttur Ġenerali tiegħu jew, jekk jaħseb li tkun utli, lis-Segretarju Ġenerali, jew il-persuni fil-posizzjonijiet ekwivalenti”, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ma indirizzax sempliċement in–nota tas-7 ta’ Diċembru 2009 lill-President kif ukoll lill-Presidenti tal-grupp iżda, b’posta elettronika mibgħuta fl-istess ġurnata tal-preżentata tan-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrent informa lill-membri l-oħrajn tal-uffiċċju li kien għadu kif ħalla fl-uffiċċju tal-grupp tagħhom, envelop indirizzat għall-attenzjoni ta’ kull wieħed minnhom li fih kien hemm kopja ta’ dik in-nota. Billi ta pubbliċità partikolarment mifruxa lill-akkużi li jinsabu f’dik in-nota, l-individwu kkonċernat kiser l-obbligu li juri l-ikbar prudenza u rażan fil-pubbliċità mogħtija lil allegazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-OLAF (sentenza Nijs vs Qorti tal-Awdituri, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80).
151 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jallega li d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, li barra minn hekk ma neħħewlux il-kwalità tiegħu bħala kap ta’ diviżjoni, ġew adottati bi ksur tal-Artikolu 12a(2) u tal-Artikolu 22a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, jew ikkostitwixxew sanzjoni moħbija bi ksur tal-Artikolu 86 tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal.
152 Għaldaqstant, ir-raba’ motiv ma jistax jintlaqa’.
Fuq il-motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
153 Ir-rikorrent jargumenta li d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid kienu vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li ttieħdu kontra l-interess tas-servizz. Ir-rikorrent jenfasizza b’mod partikolari li huwa ma setax jitneħħa minn kap tas-servizz legali u li l-KESE dam ma wera, fl-organigramma tiegħu, il-bidliet li saru fl-organizzazzjoni interna tiegħu permezz ta’ dawk id-deċiżjonijiet, bi ksur tal-Artikolu 71(6) tar-Regoli ta’ Proċedura. Huwa jiddikjara fl-aħħar nett li r-responsabbiltajiet il-ġodda tiegħu huma sostanzjalment inferjuri minn dawk li kien jeżerċita qabel l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu.
154 Il-KESE jirribatti li d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ittieħdu fl-interess tas-servizz, minħabba t-telf ta’ fiduċja bejn ir-rikorrent u s-Segretarju Ġenerali wara l-attakki personali infondati li saru minn dan tal-ewwel kontra dan tal-aħħar. Skont il-KESE, l-unika soluzzjoni vijabbli kemm mill-perspettiva tal-interess tal-KESE kif ukoll mill-perspettiva tal-interess tar-rikorrent kienet li dan tal-aħħar jingħata rwol li jeskludi kull relazzjoni mill-qrib mas-Segretarju Ġenerali.
155 Il-KESE jkompli billi josserva li l-irwol il-ġdid tar-rikorrent, għall-kuntrarju ta’ dak li kien qed jallega, ma kienx jinvolvi tnaqqis sostanzjali fir-responsabbiltajiet tiegħu.
Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku
156 Skont il-ġurisprudenza, filwaqt li huwa minnu li l-amministrazzjoni għandha kull interess li tagħti rwol lill-uffiċjali billi tqis il-kapaċitajiet tagħhom u l-preferenzi personali tagħhom, ma jistax jitqies li jiġi rikonoxxut lilhom id-dritt li jeżerċitaw jew li jżommu funzjonijiet speċifiċi. Għalhekk, minkejja li r-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari l-Artikolu 7, ma jipprevedux espliċitament il-possibbiltà ta’ “assenjazzjoni mill-ġdid” ta’ uffiċjal, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom fid-dawl tal-missjonijiet li huma fdati lilhom u fl-assenjazzjoni, fid-dawl ta’ dawn il-missjonijiet, tal-persunal li jkunu għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni, madankollu, li min-naħa waħda din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz u, minn naħa l-oħra, li tiġi osservata l-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Marzu 1988, Hecq vs Il-Kummissjoni, 19/87, punt 6, sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Jannar 2007, de Albuquerque vs Il-Kummissjoni, F-55/06, punt 55).
157 F’din il-kawża, b’hekk għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjonijiet li jtemmu l-funzjonijiet u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid issodisfawx iż-żewġ kundizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.
– Fuq l-interess tas-servizz
158 Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li meta titqies is-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz, l-istħarriġ tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fir-rigward tal-osservanza tal-kundizzjoni relatata mal-interess tas-servizz għandu jkun limitat għall-kwistjoni jekk l-Awtorità tal-Ħatra baqgħetx f’limiti raġonevoli u ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T-223/99, punt 53).
159 F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, diffikultajiet relazzjonali interni, meta jkunu jikkawżaw tensjonijiet li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tas-servizz, jistgħu jiġġustifikaw, fl-interess tas-servizz, it-trasferiment ta’ uffiċjal, sabiex tintemm sitwazzjoni amministrattiva li tkun saret insostenibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Marzu 1990, Hecq vs Il-Kummissjoni, C-116/88 u C-149/88, punt 22, u tat-12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il-Kummissjoni, C-294/95 P, punt 41; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Mejju 1998, W vs Il-Kummissjoni, T-78/96 u T-170/96, punt 88). Tali assenjazzjoni mill-ġdid, deċiża fl-interess tas-servizz, ma teħtieġx il-kunsens tal-uffiċjal ikkunsidrat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, De Persio vs Il-Kummissjoni, T-23/96, punt 138). Barra minn hekk, għall-finijiet li jiġi eżaminat jekk tensjonijiet fir-relazzjonijiet jistgħux jiġġustifikaw, fl-interess tas-servizz, it-trasferiment ta’ uffiċjal, huwa irrilevanti li tiġi ddeterminata l-identità tal-persuna responsabbli għall-inċidenti inkwistjoni jew anki li jiġi stabbilit jekk l-allegazzjonijiet fformulati jkunux fondati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1979, List vs Il-Kummissjoni, 124/78, punt 13, u Ojha vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 41).
160 F’din il-kawża, fid-data meta ġiet adottata d-deċiżjoni li temmet il-funzjonijiet preċedenti, kien hemm b’mod ċar relazzjonijiet ta’ kunflitt qawwi bejn l-individwu kkonċernat u s-Segretarju Ġenerali, minħabba l-preżentata tan-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009. Issa, dawn kienu ta’ natura, fir-rigward tal-funzjonijiet mogħtija lis-servizz legali u, b’mod partikolari, meta titqies l-assistenza li kellha tingħata minn dan tal-aħħar lis-Segretarju Ġenerali, li jfixklu l-ħidma tal-KESE.
161 F’dawn iċ-ċirkustanzi, u filwaqt li n-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009 ma kinitx tinkludi, kif diġà ntqal, provi li juru l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku jew ta’ irregolaritajiet fis-sens tal-Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-President ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li l-interess tas-servizz kien jeħtieġ li tintemm sitwazzjoni amministrattiva li kienet dannuża għall-KESE u li kienet tiġġustifika l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent.
– Fuq l-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet
162 Għandu jitfakkar li, f’każ ta’ bidla fil-funzjonijiet mogħtija lil uffiċjal, ir-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni, stabbilita b’mod partikolari fl-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal, timplika paragun bejn il-grad u l-funzjonijiet attwali tal-uffiċjal u mhux paragun bejn il-funzjonijiet attwali tiegħu u dawk preċedenti tiegħu (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Mejju 2008, Kerstens vs Il-Kummissjoni, F-119/06, punt 96).
163 B’hekk, ir-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni ma tipprekludix li deċiżjoni twassal għall-attribuzzjoni ta’ funzjonijiet ġodda li, għalkemm ikunu differenti minn dawk eżerċitati qabel u jkunu pperċepiti mill-individwu kkonċernat bħala li jikkonsistu fi tnaqqis tar-responsabbiltajiet tiegħu, ikunu madankollu konformi mal-pożizzjoni li tikkorrispondi mal-grad tiegħu. B’hekk, tnaqqis effettiv tar-responsabbiltajiet ta’ uffiċjal ma jiksirx ir-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni ħlief jekk dawk ir-responsabbiltajiet ġodda jkunu, fit-totalità tagħhom, nettament ta’ livell inferjuri, minn dawk li jikkorrispondu mal-grad u mal-pożizzjoni tiegħu, meta jitqiesu n-natura, l-importanza u d-dimensjoni tagħhom (sentenza Hecq vs Il-Kummissjoni, 19/87, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 7; sentenza tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 1990, Pitrone vs Il-Kummissjoni, T-46/89, punt 35).
164 Fl-aħħar nett, għalkemm ir-Regolamenti tal-Persunal huma intiżi biex jiggarantixxu lill-uffiċjali l-grad miksub kif ukoll pożizzjoni li tikkorrispondi ma’ dak il-grad, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jagħtu lill-uffiċjali ebda dritt għal pożizzjoni partikolari, iżda għall-kuntrarju jħallu lill-Awtorità tal-Ħatra l-kompetenza li tassenja lill-uffiċjali, fl-interess tas-servizz, għal diversi pożizzjonijiet li jikkorrispondu mal-grad tagħhom (sentenza W vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 102). Barra minn hekk, filwaqt li huwa minnu li l-amministrazzjoni għandha kull interess li tassenja lill-uffiċjali skont il-kapaċitajiet speċifiċi u l-preferenzi personali tagħhom, madankollu l-uffiċjali ma jistgħux jingħataw id-dritt li jeżerċitaw jew iżommu funzjonijiet speċifiċi jew li jirrifjutaw kull funzjoni oħra relatata mal-pożizzjoni tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 1981, Kruse vs Il-Kummissjoni, 218/80, punt 7, u tal-1 ta’ Ġunju 1983, Seton vs Il-Kummissjoni, 36/81, 37/81 u 218/81, punti 41 sa 44; sentenza W vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 105).
165 F’din il-kawża, huwa paċifiku li d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid poġġiet lir-rikorrent fid-direttorat tal-loġistika “fil-kapaċità ta’ kap ta’ diviżjoni u bil-pożizzjoni tiegħu”, “b’mod partikolari sabiex jieħu ħsieb l-affarijiet legali li jikkonċernaw il-kuntratti u s-sejħiet għal offerti”. Issa, ma huwiex stabbilit li dawn il-funzjonijiet ġodda ma kinux jikkorrispondu mal-grad tal-persuna kkonċernata. Filwaqt li r-rikorrent josserva li l-kwistjonijiet legali li jikkonċernaw il-kuntratti u s-sejħiet għall-offerti kienu biss, qabel id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, ta’ natura marġinali fi ħdan il-KESE, ma jistax jiġi dedott minn din iċ-ċirkustanza li l-kompitu li jikkonsisti fl-ipproċessar ta’ kwistjonijiet legali li jikkonċernaw il-kuntratti u s-sejħiet għal offerti fi ħdan id-direttorat tal-loġistika ma jistax, sa mid-data tal-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent, jassumi importanza ikbar u jkun suġġett, bis-saħħa tal-għarfien legali tal-individwu kkonċernat, għal attenzjoni ikbar fi ħdan il-KESE. Barra minn hekk, ir-rikorrent stess irrikonoxxa li ngħata l-karigu li jabbozza vade-mecum dwar l-aspetti ġuridiċi tal-kuntratti u tas-sejħiet għal offerti.
166 Fl-aħħar nett, il-fatt li l-funzjonijiet ġodda tar-rikorrent ma għadhomx jinkludu s-superviżjoni ta’ persunal ma jistax jikkostitwixxi prova li dawk il-funzjonijiet huma nettament ta’ livell inferjuri minn dawk li jikkorrispondu mal-grad tar-rikorrent, peress li, kif ġie deċiż, l-ogħla gradi fil-ġerarkija ma humiex neċessarjament irriżervati għall-persuni il jokkupaw kariga ta’ superviżjoni, iżda jistgħu jingħataw lil uffiċjali li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ konsulenza ta’ livell għoli (sentenza Kerstens vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 101).
167 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent ma huwiex fondat meta jallega li d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tmur kontra l-prinċipju tal-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet.
168 Minn dan isegwi li l-ħames motiv issollevat, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi miċħud.
Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ premura u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba
L-argumenti tal-partijiet
169 Ir-rikorrent jallega li l-Awtorità tal-Ħatra naqset mid-dmir ta’ premura tagħha u mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba meta adottat, bl-għaġla u b’mod infondat, id-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid. Ir-rikorrent jiddikjara wkoll li huwa tħalla mingħajr kariga għal ta’ mill-inqas tlettax-il ġurnata, bejn l-24 ta’ Marzu u t-13 ta’ April 2010.
170 Il-KESE jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.
Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku
171 Għalkemm, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħha jirrifletti l-bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku, ir-rekwiżiti ta’ dan id-dmir ma jistgħux jipprekludu lill-Awtorità tal-Ħatra milli tadotta l-miżuri li hija jidhirlha li huma meħtieġa fl-interess tas-servizz, peress li l-assenjazzjoni ta’ kull pożizzjoni għandha tkun ibbażata fl-ewwel lok fuq l-interess tas-servizz. Meta titqies il-portata tad-diskrezzjoni li għandhom l-istituzzjonijiet biex jevalwaw l-interess tas-servizz, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jillimita ruħu biex jivverifika jekk l-Awtorità tal-Ħatra żammitx fi ħdan limiti li ma jistgħux jiġu kkontestati u jekk użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat.
172 F’din il-kawża, peress li, kif għadu kif intqal, id-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ittieħdu fl-interess tas-servizz u peress li mkien ma ġie stabbilit li dawn ikkostitwixxew sanzjoni moħbija, il-motiv ibbażat fuq li d-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq kisru d-dmir ta’ premura kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba għandu jiġi miċħud. Barra minn hekk, waqt li r-rikorrent jallega li huwa kien mingħajr kariga bejn l-24 ta’ Marzu u t-13 ta’ April 2010, din iċ-ċirkustanza, għalkemm mhux ideali, hija irrilevanti għall-finijiet tal-legalità tal-imsemmija deċiżjonijiet.
173 Isegwi li s-sitt motiv imqajjem ma jistax jiġi milqugħ.
Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 22b tar-Regolamenti tal-Persunal
L-argumenti tal-partijiet
174 Ir-rikorrent jallega fl-aħħar nett li l-Awtorità tal-Ħatra kisret l-Artikolu 22b tar-Regolamenti tal-Persunal meta astjeniet, fis-60 jum minn meta ġiet ippreżentata n-nota tas-7 ta’ Diċembru 2009, li tikkomunikalu kull informazzjoni utli dwar it-terminu ta’ skadenza li fih kien ikollu dritt, f’każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-amministrazzjoni, li jiżvela l-informazzjoni li tinsab fin-nota tiegħu lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-President tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea, lill-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-President tal-Parlament Ewropew jew lill-Ombudsman Ewropew.
175 Il-KESE jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.
Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku
176 Skont l-Artikolu 22b(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, “[l]-uffiċjal li jiżvela aktar, informazzjoni kif definit fl-Artikolu 22a lill-President tal-Kummissjoni jew lill-Qorti ta’ l-Awdituri jew tal-Kunsill jew tal-Parlament Ewropew, jew lill-Ombudsman Ewropew, m’għandux isofri xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa ta’ l-istituzzjoni tiegħu, sakemm jitħarsu ż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:: a) l-uffiċjal onestament u bir-raġun jemmen li l-informazzjoni żvelata u kull allegazzjoni li fiha, huma sostanzjalment vera; u b) l-uffiċjal kien żvela l-istess informazzjoni qabel lil OLAF jew lill-istituzzjoni tiegħu u ppermetta lil OLAF u lil dik l-istituzzjoni l-perjodu ta’ żmien stabbilit mill-Uffiċċju jew l-istituzzjoni, minħabba l-komplessità tal-każ, billi tieħu l-azzjoni xierqa. L-uffiċjal għandu mbagħad jkun informat b’dak il-perjodu ta’ żmien matul 60 ġurnata.”
177 F’din il-kawża, il-motiv imqajjem mir-rikorrent kien ikun rilevanti biss kieku l-Awtorità tal-Ħatra kienet adottat deċiżjoni dannuża għar-rikorrent minħabba li huwa kien ressaq il-każ, b’applikazzjoni tal-Artikolu 22b tar-Regolamenti tal-Persunal, quddiem il-President tal-Kummissjoni, il-President tal-Qorti tal-Awdituri, il-President tal-Kunsill, il-President tal-Parlament Ewropew jew l-Ombudsman. Minbarra l-fatt li la ġie stabbilit u lanqas allegat li r-rikorrent uża dik il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22b tar-Regolamenti tal-Persunal, fi kwalunkwe każ id-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid b’ebda mod ma huma relatati ma’ dik il-proċedura.
178 L-aħħar motiv imqajjem b’hekk għandu jiġi miċħud bħala mhux applikabbli.
179 Peress li ġew miċħuda l-motivi kollha mqajma kontra d-deċiżjonijiet li temmew il-funzjonijiet preċedenti u ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, it-talbiet għall-annullament ta’ dawk id-deċiżjonijiet għandhom jiġu miċħuda.
180 Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li t-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda kollha, jew bħala inammissibbli jew inkella bħala infondati.
3. Fuq it-talbiet għad-danni
L-argumenti tal-partijiet
181 Ir-rikorrent isostni li l-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati fil-kuntest ta’ dan ir-rikors ikkawżatlu danni morali li huwa kkwantifika ex æquo et bono għas-somma ta’ EUR 15 000.
182 Rigward id-danni materjali li allegatament sofra, ir-rikorrent isostni li huwa kellu jġarrab l-ispejjeż tal-avukat relatati mal-proċedura prekontenzjuża, u jitlob ir-rimbors ta’ dawk l-ispejjeż fl-ammont ta’ EUR 1 000.
183 Il-KESE jitlob li jiġu miċħuda dawn it-talbiet għad-danni.
Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku
184 Skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet intiżi għall-kumpens għal dannu relatat ma’ funzjoni pubblika għandhom jiġu miċħuda sa fejn dawn ikunu strettament konnessi ma’ talbiet għal annullament li jkunu, min-naħa tagħhom, ġew miċħuda bħala infondati (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Ġunju 2004, Liakoura vs Il-Kunsill, T-330/03, punt 69). F’din il-kawża, peress li l-eżami tal-ilmenti ppreżentati insostenn tat-talbiet għal annullament ma wera ebda illegalità li tivvizzja d-deċiżjonijiet ikkontestati u b’hekk, ebda nuqqas li jimplika r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni, it-talbiet għal kumpens għad-danni materjali u morali li allegatament sofra r-rikorrent minħabba l-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu miċħuda wkoll.
185 Barra minn hekk, f’każ fejn ir-rikorrent ikun beħsiebu jitlob ukoll li l-KESE jiġi kkundannat li jagħti kumpens għal dannu li jirriżulta minn nuqqasijiet fis-servizz li ma jkunux strettament relatati mat-talbiet għal annullament, dik it-talba hija inammissibbli, ħlief jekk ir-rikorrent ikun ressaq talba quddiem l-amministrazzjoni skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.
186 Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li r-rikors għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
187 Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, salv dispożizzjonijiet oħra tat-tieni titolu tat-tmien kapitolu tal-imsemmija regoli, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż jew li hija ma tiġix ikkundannata għall-ispejjeż.
188 Mill-motivi ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-rikorrent huwa l-parti telliefa. Barra minn hekk, fit-talbiet tiegħu, il-KESE talab espressament li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Madankollu, kif intqal, għalkemm l-elementi ppreżentati mir-rikorrent fin-nota tiegħu tas-7 ta’ Diċembru 2009 ma kinux suffiċjenti biex tingħata prova jew biex tiġi stabbilita l-probabbiltà ta’ fastidju psikoloġiku jew ta’ irregolaritajiet serji fis-sens tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, madankollu dawn juru b’mod ċar l-eżistenza ta’ għadd ta’ irregolaritajiet. Għalhekk, peress li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża jiġġustifikaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, inklużi dawk imġarrba fil-kuntest tal-proċeduri dwar miżuri provviżorji.
Għal dawn il-motivi,
IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)
jaqta’ u jiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Kreppel
Perillo
Barents
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Settembru 2012.
W. Hakenberg
H. Kreppel
Reġistratur
President
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy