27.3.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 80/38
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Jannar 2010 — Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-29/10)
2010/C 80/63
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Rikorrent: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (rappreżentanti: C. Wissels u Y. de Vries, aġenti)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla parzjalment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Novembru 2009 fil-Każ Nru C 10/2009 (ex. N 138/2009) — Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Għajnuna għall-grupp ING N.V., u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li ċerti miżuri li l-Istat Olandiż adotta fir-rigward tal-grupp ING N.V. jammontaw għal għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u hija ddikjarat din l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni suġġett għal ċerti kundizzjonijiet. Wara d-deċiżjoni, il-modifika tal-kundizzjonijiet tar-rimbors ta’ EUR 5 biljun tal-injezzjoni ta’ kapital tammonta għal għajnuna addizzjonali.
Ir-rikors huwa dirett kontra l-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni li b’mod partikolari huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni li l-modifika tal-kundizzjonijiet tar-rimbors fir-rigward ta’ EUR 5 biljun tal-injezzjoni ta’ kapital tammonta għal għajnuna mill-Istat.
Ir-rikorrent fl-ewwel lok isostni li d-deċiżjoni hija inkompatibbli mal-Artikolu 107 TFUE sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet hemmhekk li l-adattament tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-parteċipazzjoni fil-kapital ta’ bażi ta’ ING jammonta għal għajnuna mill-Istat addizzjonali ta’ ammont ta’ EUR 2 biljun favur ING. Skont ir-rikorrent, il-Kummissjoni żbaljat meta kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat l-adattament tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, u dan għar-raġunijiet segwenti:
—
Sa fejn din tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, din tikkonsisti, skont id-deċiżjoni, fil-parteċipazzjoni sħiħa fil-kapital ta’ bażi ta’ ING; modifika tal-kundizzjonijiet tar-rimbors ta’ din l-għajnuna ma tistax tammonta għal għajnuna flimkien ma’ din il-parteċipazzjoni.
—
Il-Kummissjoni kellha tinkludi l-adattament tal-kundizzjonijiet tar-rimbors fl-evalwazzjoni tagħha tal-parteċipazzjoni fil-kapital ta’ bażi minflok tevalwah separatament.
—
Peress li hija analizzat separatament l-adattament tal-kundizzjonijiet tar-rimbors fid-dawl tar-regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni wettqet numru ta’ żbalji fl-evalwazzjoni tagħha.
—
Il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li l-adattament tal-kundizzjonijiet tar-rimbors kellhu b’mod partikolari bħala għan li jrendi dawn il-kundizzjonijiet iktar konformi mal-kundizzjonijiet ta’ rimbors fis-seħħ fis-suq.
Ir-rikorrent isostni fit-tieni lok li d-deċiżjoni hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba peress li l-Kummissjoni ma ġabritx l-informazzjoni neċessarja dwar il-fatti inkwistjoni.
Ir-rikorrent jikkunsidra fit-tielet lok li d-deċiżjoni hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ motivazzjoni sa fejn il-Kummissjoni ma’ esponitx b’mod suffiċjenti l-motivi għall-kunsiderazzjoni tagħha li l-adattament tal-kundizzjonijiet tar-rimbors jammonta għal għajnuna addizzjonali.
Full & Egal Universal Law Academy