4.12.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 328/34
Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Settembru 2010 — Fulmen vs Il-Kunsill
(Kawża T-439/10)
2010/C 328/58
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Fulmen (Teheran, l-Iran) (rappreżentant: A. Kronshagen, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla l-paragrafu 11 tat-Taqsima I B tal-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran, kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-26 ta’ Lulju 2010, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;
—
tikkundanna l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti titlob l-annullament tar-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 li jimplementa l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 (1), kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK (2), dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran bl-għan li titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari sa fejn ir-rikorrenti hija inkluża fil-lista ta’ persuni ġuridiċi u naturali, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom huma ffriżati skont din id-dispożizzjoni.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tgħid li d-Deċiżjoni kkontestata tal-Kunsill għandha tiġi annullata, peress li l-ebda deċiżjoni rilevanti ta’ awtorità kompetenti ma tiġġustifika, fil-mument tal-adozzjoni tagħha, l-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista tal-organizzazzjonijiet marbuta mal-programm nukleari u balistiku tal-Iran.
Ir-rikorrenti tinvoka wkoll ksur tal-garanziji proċedurali peress li d-drittijiet tagħha ta’ difiża u għal smigħ xieraq inkisru, inkwantu:
—
il-Kunsill ma motivax id-deċiżjoni tiegħu li jinkludi l-isem tar-rikorrent fuq il-lista inkwistjoni b’mod suffiċjenti;
—
qabel ma ngħatat id-deċiżjoni tal-Kunsill ma ġewx ikkomunikati l-provi kontra r-rikorrenti; u
—
ir-rikorrenti ma tqegħditx f’pożizzjoni li ssostni effettivament il-perspettiva tagħha dwar dawn il-provi.
(1) Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 195, p. 25).
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK, ĠU 2010 L 195, p. 39.
Full & Egal Universal Law Academy