5.3.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 72/38
Rettifika għall-Avviż fil-Ġurnal Uffiċjali fil-Kawża T-507/10
( Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 13 tal-15 ta’ Jannar 2011, p. 28 )
2011/C 72/61
L-avviż fil-ĠU fil-kawża T-507/10, Uspaskich vs Il-Parlament, għandu jinqara kif ġej:
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Ottubru 2010 — Viktor Uspaskich vs Il-Parlament Ewropew
(Kawża T-507/10)
2011/C 72/61
Lingwa tal-kawża: il-Litwan
Partijiet
Rikorrent: Viktor Uspaskich (Kėdainiai, il-Litwanja) (rappreżentant: Vytautas Sviderskis, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet tar-rikorrent
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew Nru P7_TA(2010)0296, tas-7 ta’ Settembru 2010, dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Victor Uspaskich;
—
tikkundanna lill-konvenut iħallas EUR 10 000 għad-danni morali mġarrba;
—
tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrent jibbaża r-rikors tieghu fuq erba’ motivi.
Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jissottometti li l-konvenut kiser id-drittijiet tiegħu ta’ difiża u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fil-proċedura 2009/2147 (IMM). Il-Parlament Ewropew irrifjuta li jisma’ lir-rikorrent waqt il-proċedura għat-tneħħija tal-immunità tiegħu kemm fil-Kumitat dwar l-Affarijiet Legali u kif ukoll waqt is-sessjoni plenarja. Huwa naqas li jieħu inkunsiderazzjoni l-parti l-kbira tal-argumenti tar-rikorrent u ma wieġeb għall-ebda wieħed minnhom.
Fit-tieni lok, il-Parlament Ewropew adotta d-deċiżjoni kkontestata fuq bażi legali żbaljata u kiser il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea billi straħ fuq interpretazzjoni kjarament żbaljata tal-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni Litwana. Ir-rikorrent jirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2010 fil-Kawża T-42/06, Gollnisch vs Il-Parlament, fejn il-Qorti ddikjarat li kien hemm ksur analogu mill-Parlament Ewropew.
Fit-tielet lok, il-konvenut naqas milli josserva l-prinċipju ta’ fumus persecutionis u għamel żball evidenti ta’ evalwazzjoni meta evalwah. Il-konvenut injora totalment id-deċiżjonijiet preċedenti tiegħu stess fir-rigward tal-fumus persecutionis. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew naqas ukoll milli jikkunsidra l-fatt illi fiż-żmien tad-deċiżjoni illi jinbdew proċeduri kriminali, mexxej politiku ma kienx responsabbli għal ksur relatat mal-amministrazzjoni, u illi kien ġie ppubblikat materjal minn investigazzjoni preliminari.
Fir-raba’ lok, il-konvenut kiser id-dritt tar-rikorrenti li jissottometti talba sabiex jiddefendi l-immunità tiegħu skont ir-Regola 6(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew. Huwa rrifjuta li jeżamina t-talba tar-rikorrent sabiex tiġi difiża l-immunità tiegħu għar-raġuni li l-miżura li teżiġi li huwa jħallas garanzija ta’ EUR 436 000 hija sproporzjonata meta mqabbla mal-multa potenzjali massima għar-reat kriminali li tiegħu huwa akkużat.
Full & Egal Universal Law Academy