16.6.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 174/12
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-3 ta’ Mejju 2012 — Ir-Renju ta’ Spanja vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-24/11 P) (1)
(Appell - FAEGG - Taqsima “Garanzija’ - Infiq eskluż mill-finanzjament Komunitarju - Infiq magħmul mir-Renju ta” Spanja - Għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa)
2012/C 174/16
Lingwa tal-proċedura: l-Ispanjol
Partijiet
Appellant: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: M. Muñoz Pérez, aġent)
Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: F. Jimeno Fernández, aġent)
Suġġett
Appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Novembru 2010, Spanja vs Il-Kummissjoni (T-113/08), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/68/KE, tal-20 Diċembru 2007, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti nefqiet magħmula mill-Istati Membri taħt it-Taqsima Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija (FAEGG), taqsima “Garanzija” (ĠU 2008, L 18, p. 12), sa fejn tirrigwarda ċertu nfiq magħmul mir-Renju ta’ Spanja fis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa u tal-uċuh tar-raba’ li jinħarat.
Dispożittiv
(1)
Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Novembru 2010, Spanja vs Il-Kummissjoni (T-113/08) hija annullata sa fejn il-Qorti Ġenerali, billi kklassifikat l-ittra AGR 16844 tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Lulju 2002, bħala komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1663/95, tas-7 ta’ Lulju 1995, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 li jirrigwardja l-proċedura għall-verifikar tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEEG, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/1999, tat-22 ta’ Ottubru 1999, ikkunsidrat id-data tan-notifika ta’ din l-ittra bħala element ta’ referenza għall-kalkolu tat-terminu ta’ 24 xahar, previst fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70, tal-21 ta’ April 1970, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1287/95, tat-22 ta’ Mejju 1995, u fil-ħames subparagafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola, għall-finijiet tal-korrezzjoni finanzjarja magħmula mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/68/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2007, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti nefqiet magħmula mill-Istati Membri taħt it-Taqsima Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija (FAEGG), fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa minħabba li l-proposti tal-aġenzija taż-żejt taż-żebbuġa konsekuttivi għall-kontrolli magħmula fuq l-imtieħen ingħataw segwitu insuffiċjenti min-naħa tal-awtoritajiet Spanjoli.
(2)
Id-Deċiżjoni 2008/68 hija annullata sa fejn teskludi mill-finanzjament Komunitarju l-infiq imwettaq mir-Renju ta’ Spanja fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa barra mit-terminu ta’ 24 xahar li ppreċeda d-data tan-notifika tal-ittra tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Novembru 2004, li hija stedina għal-laqgħa bilaterali tal-21 ta’ Diċembru 2004, sa fejn dan l-infiq huwa kopert mill-korrezzjoni applikata minħabba l-fatt li l-proposti tal-aġenzija taż-żejt taż-żebbuġa konsekuttivi għall-kontrolli mwettqa fuq l-imtieħen ingħataw segwitu insuffiċjenti mill-awtoritajiet Spanjoli.
(3)
Ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni Ewropea għandhom, it-tnejn li huma, ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza u kemm ma’ din il-proċedura ta’ appell.
(1) ĠU C 95, 26.03.2011
Full & Egal Universal Law Academy