29.9.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 295/6
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Lulju 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesfinanzhof — il-Ġermanja) — Marianne Scheunemann vs Finanzamt Bremerhaven
(Kawża C-31/11) (1)
(Libertà ta’ stabbiliment - Moviment liberu tal-kapital - Tassazzjoni diretta - Taxxa fuq is-suċċessjoni - Metodi ta’ kalkolu tat-taxxa - Akkwist b’wirt ta’ sehem, bħala azzjonist uniku f’kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat terz - Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi vantaġġi fiskali għal sehem f’kumpanniji bħal dawn)
2012/C 295/09
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesfinanzhof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Marianne Scheunemann
Konvenut: Finanzamt Bremerhaven
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Bundesfinanzhof — Interpretazzjoni tal-Artikoli 56 u 58 KE — Ksib b’wirt ta’ sehem, bħala azzjonist uniku, f’kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat terz li tagħmel parti mill-proprjetà privata tal-mejjet — Taxxa fuq is-suċċessjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi vantaġġi fiskali għall-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom jew it-tmexxija tagħhom fit-territorju nazzjonali
Dispożittiv
Il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li teskludi, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa tas-suċċessjoni, l-applikazzjoni ta’ ċerti vantaġġi fiskali għal wirt fil-forma ta’ sehem f’kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat terz, filwaqt li hija tagħti l-istess vantaġġi f’każ ta’ wirt ta’ sehem bħal dan meta s-sede tal-kumpannija tinstab fi Stat Membru, taffettwa b’mod predominanti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikoli 49 TFUE et seq, peress li dan is-sehem jippermetti lid-detentur tagħha li jeżerċità influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tal-imsemmija kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet. Dawn l-artikoli ma humiex intiżi li japplikaw f’sitwazzjoni li tikkonċerna s-sehem f’kumpannija li għandha sede li tinstab fi Stat terz.
(1) ĠU C 113, 09.04.2011
Full & Egal Universal Law Academy