21.4.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 118/6
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-28 ta’ Frar 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Conseil d'État — Il-Belġju) — Inter-Environnement Wallonie ASBL, Terre wallonne ASBL vs Région wallonne
(Kawża C-41/11) (1)
(Protezzjoni tal-ambjent - Direttiva 2011/42/KE - Artikoli 2 u 3 - Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent - Protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli - Pjan jew programm - Nuqqas ta’ evalwazzjoni preliminari tal-ambjent - Annullament ta’ pjan jew programm - Possibbiltà li jinżammu l-effetti tal-pjan jew programm - Kundizzjonijiet)
2012/C 118/09
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Conseil d’État
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Inter-Environnement Wallonie ASBL, Terre wallonne ASBL
Konvenuta: Région wallonne
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Conseil d’État (il-Belġju) — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Protezzjoni tal-ilmijiet kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli — Annullament ta’ regola nazzjonali ddikjarata mhux konformi mad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157) — Possibbiltà li jinżammu, għal perijodu qasir, l-effetti ta’ din ir-regola
Dispożittiv
Meta qorti nazzjonali tiġi adita, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali tagħha, b’rikors intiż għall-annullament ta’ att nazzjonali li jikkostitwixxi “pjan” jew “programm” fis-sens tad-Direttiva 2001/42 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima [evalwazzjoni] tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, u li tikkonstata li tali “pjan” jew “programm” ġie adottat bi ksur tal-obbligu previst b’din id-direttiva li jistabbilixxi l-ħtieġa li ssir evalwazzjoni ambjentali preliminari, din il-qorti għandha tadotta l-miżuri kollha ġenerali jew partikolari previsti fid-dritt nazzjonali tagħha sabiex tipprovdi rimedju għan-nuqqas ta’ tali evalwazzjoni, inkluż l-eventwali sospensjoni jew annullament tal-“pjan” jew “programm” ikkontestat. Madankollu, fid-dawl tal-fatti speċifiċi tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tista’ eċċezzjonalment tiġi awtorizzata tuża d-dispożizzjoni nazzjonali tagħha li tagħtiha s-setgħa żżomm ċerti effetti ta’ att nazzjonali annullat kemm-il darba:
—
dan l-att nazzjonali jikkostitwixxi miżura ta’ traspożizzjoni korretta tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli;
—
l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-att nazzjonali ġdid li jinkludi l-programm ta’ azzjoni fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva ma jkunux jippermettu li jiġu evitati l-effetti dannużi fuq l-ambjent li jirriżultaw mill-annullament tal-att ikkontestat;
—
l-annullament ta’ dan l-att ikkontestat ikollu bħala konsegwenza li joħloq lakuna legali fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 91/676 li tkun ta’ dannu ikbar għall-ambjent fis-sens li dan l-annullament iwassal biex tonqos il-protezzjoni mogħtija lill-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli u b’hekk imur kontra l-għan essenzjali ta’ din id-direttiva, u
—
iż-żamma eċċezzjonali tal-effetti ta’ tali att tkun tkopri biss il-perijodu ta’ żmien strettament meħtieġ għall-adozzjoni tal-miżuri li jippermettu li tiġi rrimedjata l-irregolartità kkonstatata.
(1) ĠU C 113, 09.04.2011
Full & Egal Universal Law Academy