25.8.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 258/6
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-28 ta’ Ġunju 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Arbeitsgericht Ludwigshafen am Rhein — il-Ġermanja) — Georges Erny vs Daimler AG — Werk Wörth
(Kawża C-172/11) (1)
(Moviment liberu tal-ħaddiema - Artikolu 45 TFUE - Regolament (KEE) Nru 1612/68 - Artikolu 7(4) - Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni - Żieda fil-ħlas mogħtija lill-ħaddiema li jitqiegħdu taħt skema ta’ xogħol part-time li tippreċedi l-irtirar mhux volontarju - Ħaddiema transkonfinali suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fl-Istat Membru ta’ residenza - Teħid inkunsiderazzjoni fittizju tat-taxxa fuq is-salarji tal-Istat Membru tal-impjieg)
2012/C 258/09
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Arbeitsgericht Ludwigshafen am Rhein
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Georges Erny
Konvenut: Daimler AG — Werk Wörth
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Arbeitsgericht Ludwigshafen am Rhein, Auswärtige Kammern Landau — Interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15.) — Żieda fil-ħlas mogħtija lill-ħaddiema li jitqiegħdu taħt skema ta’ xogħol part-time li tippreċedi l-irtirar mhux volontarju — Ħlas inqas favorevoli għall-ħaddiema transkonfinali li jkunu suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fl-Istat ta’ residenza tagħhom biss minħabba li, meta jiġi kkalkolat l-ammont ta’ din iż-żieda, tittieħed inkunsiderazzjoni t-taxxa fuq is-salarju li teoretikament tkun dovuta fl-Istat tal-impjieg
Dispożittiv
L-Artikoli 45 TFUE u 7(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, jipprekludu li klawżoli ta’ ftehim kollettivi u individwali, li skont dawn żieda fil-ħlas bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li titħallas mill-persuna li timpjega fil-kuntest ta’ skema ta’ rtirar kmieni progressiv, għandha tiġi kkalkolata b’tali mod li t-taxxa fuq is-salarji dovuta fl-Istat Membru tal-impjieg titnaqqas b’mod fittizju waqt id-determinazzjoni tal-bażi ta’ kalkolu ta’ din iż-żieda, filwaqt li, skont ftehim fiskali ddestinat sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja, il-ħlasijiet, is-salarji u r-remunerazzjonijiet analogi mħallsa lill-ħaddiema li ma jirrisjedux fl-Istat Membru ta’ impjieg huma taxxabbli fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ dawn tal-aħħar. Skont l-imsemmi Artikolu 7(4), tali klawżoli huma nulli ipso iure. L-Artikolu 45 TFUE kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 16128/68 jħallu lill-Istati Membri jew lill-imsieħba soċjali l-libertà li jagħżlu fost is-soluzzjonijiet differenti xierqa sabiex jitwettaq l-għan intiż minn dawn id-dispożizzjonijiet rispettivi.
(1) ĠU C 226, 30.07.2011
Full & Egal Universal Law Academy