12.1.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 9/14
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-8 ta’ Novembru 2012 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Arbeitsgericht Passau — il-Ġermanja) — Alexander Heimann (C-229/11), Konstantin Toltschin (C-230/11) vs Kaiser GmbH
(Kawżi magħquda C-229/11 u C-230/11) (1)
(Politika soċjali - Direttiva 2003/88/KE - Tnaqqis fil-ħin tax-xogħol (‘Kurzarbeit’) - Tnaqqis tad-dritt għal-leave annwali mħallas fuq il-bażi tat- tnaqqis fil-ħin tax-xogħol - Kumpens finanzjarju)
2013/C 9/21
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Arbeitsgericht Passau
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Alexander Heimann (C-229/11), Konstantin Toltschin (C-230/11)
Konvenuta: Kaiser GmbH
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Arbeitsgericht Passau — Interpretazzjoni tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU C 83, p. 389) u tal- Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381) — Tnaqqis tal-ħin normali tax-xogħol maħdum fl-impriża minħabba qgħad parzjali (“Kurzarbeit”) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tnaqqis tad-dritt għal leave annwali mħallas abbażi tat-tnaqqis tal-ġranet ta’ xogħol ta’ persuna parzjalment qiegħda
Dispożittiv
L-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali, bħalma huwa pjan soċjali konkluż bejn impriża u l-kunsill tax-xogħol tagħha, li abbażi tagħhom id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ ħaddiem li l-ħin tax-xogħol tiegħu tnaqqas jiġi kkalkolat skont ir-regola tal-pro rata temporis.
(1) ĠU C 269, 10.9.2011.
Full & Egal Universal Law Academy