22.9.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 287/14
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-5 ta’ Lulju 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hoge Raad der Nederlanden — il-Pajjiżi l-Baxxi) — DTZ Zadelhoff vof vs Staatssecretaris van Financiën
(Kawża C-259/11) (1)
(Sitt Direttiva tal-VAT - Artikoli 5(3)(ċ), u 13B(d)(5) - Innegozjar ta’ tranżazzjoni ta’ trasferiment ta’ ishma ta’ kumpanniji - Tranżazzjoni li timplika wkoll it-trasferiment tal-proprjetà ta’ beni immobbli ta’ dawn il-kumpanniji - Eżenzjoni)
2012/C 287/23
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Hoge Raad der Nederlanden
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: DTZ Zadelhoff vof
Konvenuta: Staatssecretaris van Financiën
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Hoge Raad der Nederlanden — Interpretazzjoni tal-Artikoli 5(3)(ċ) u 13(B)(d)(5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) — Eżenzjonijiet previsti bis-Sitt Direttiva — Tranżazzjonijiet magħmula taħt l-Artikolu 13(B)(d)(5) — Trasferiment ta’ azzjonijiet ta’ kumpanniji li jinvolvi wkoll it-trasferiment tal-proprjetà tal-beni immobbli li jappartjenu lil dawn il-kumpanniji.
Dispożittiv
L-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt din l-eżenjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, dawk it-tranżazzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandhom l-għan li jittrasferixxu ishma ta’ kumpanniji kkonċernati u li kellhom dan ir-riżultat, iżda li, fl-aħħar analiżi, jirrigwardaw il-beni immobbiljari miżmuma minn kumpanniji u t-trasferiment (indirett) tagħhom. L-eċċezzjoni għal din l-eżenzjoni li hija prevista fl-istess tieni inċiż tal-punt 5 ma hijiex applikabbli jekk l-Istat Membru ma użax il-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 5(3)(ċ) tal-imsemmija direttiva, li jikkunsidra bħala proprjetà korporali, l-ishma jew interessi ekwivalenti għall-ishma li jagħtu lit-titolari tagħhom drittijiet de jure jew de facto ta’ proprjetarju jew pussess fuq il-proprjetà immobbli.
(1) ĠU C 252, 27.08.2011
Full & Egal Universal Law Academy