22.9.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 287/14
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-12 ta’ Lulju 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Varhoven administrativen sad — il-Bulgarija) — EMS-Bulgaria Transpot OOD vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” Plovdiv
(Kawża C-284/11) (1)
(VAT - Direttiva 2006/112/KE - Dritt għal tnaqqis - Terminu perentorju għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT - Prinċipju ta’ effettività - Rifjut tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT - Prinċipju tan-newtralità fiskali)
2012/C 287/24
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Varhoven administrativen sad
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: EMS-Bulgaria Transport OOD
Konvenuta: Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” Plovdiv
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Varhoven administrativen sad — Interpretazzjoni tal-Artikoli 179, 180 u 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) u tal-prinċipju ta’ effettività skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi magħquda C-95/07 u C-96/07, Ecotrade et — Dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-kreditu ta’ VAT għal terminu ta’ dekadenza ta’ tliet perijodi fiskali li jsegwu dak li matulu d-dritt għal tnaqqis tnissel — Rifjut tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni fakultattiv għall-VAT bħala xerrej intra-Komunitarju, u minħabba n-nuqqas ta’ eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis fit-termini previsti
Dispożittiv
(1)
Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 179, u l-Artikoli 180 u 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux l-eżistenza ta’ terminu perentorju, li jirregola l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis, bħal ma huwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn dan ma jagħmilx eċċessivament diffiċli jew prattikament impossibbli l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Evalwazzjoni bħal din għandha titwettaq mill-qorti nazzjonali, li tista’, b’mod partikolari, tikkunsidra l-intervent ulterjuri ta’ proroga konsegwenti tat-terminu perentorju kif ukoll tat-terminu ta’ proċedura ta’ reġistrazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud qabel ma titwettaq f’dan l-istess terminu sabiex tkun tista’ tezerċita l-imsemmi dritt għal tnaqqis.
(2)
Il-prinċipju tan-newtralità fiskali jipprekludi sanzjoni li tikkonsisti f’li jiġi rrifjutat id-dritt għal tnaqqis f’każ ta’ ħlas tard tat-taxxa fuq il-valur miżjud, iżda ma jipprekludix il-ħlas ta’ interessi moratorji, suġġett li din is-sanzjoni tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità, ħaġa li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika.
(1) ĠU C 238, 13.08.2011
Full & Egal Universal Law Academy