27.10.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 331/9
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Settembru 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Legfelsőbb Bíróság — l-Ungerija) — Gábor Tóth vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Észak-magyarországi Regionális Adó Főigazgatósága
(Kawża C-324/11) (1)
(Tassazzjoni - VAT - Direttiva 2006/112/KE - Artikolu 9 - Kunċett ta’ “persuna taxxabbli” - Dritt għal tnaqqis - Rifjut - Prinċipju ta’ newtralità fiskali - Persuna li toħroġ il-fattura mħassra mir-reġistru tal-imprendituri individwali - Persuna li toħroġ il-fattura li tkun naqset milli twettaq l-obbligu li tiddikjara l-impjegati tagħha lill-amministrazzjoni fiskali - Obbligu tal-persuna taxxabbli li tiżgura ruħha mill-aġir regolari ta’ min joħroġ il-fattura fir-rigward tal-amministrazzjoni fiskali)
2012/C 331/14
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Legfelsőbb Bíróság
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Gábor Tóth
Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Észak-magyarországi Regionális Adó Főigazgatósága
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Magyar Köztársaság Legfelsöbb Bírósága — Interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) — Kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis għat-taxxa tal-input imħallsa fil-prattika minn awtoritajiet fiskali nazzjonali — Obbligu tal-persuna taxxabbli li tiżgura li l-kwalità ta’ persuna taxxabbli ta’ min joħroġ il-fattura, kif ukoll tar-regolarità tar-relazzjoni legali u tas-sitwazzjoni fiskali tal-impjegati tiegħu jaffettwaw ix-xogħlijiet li fir-rigward tagħhom inħarġet fattura.
Dispożittiv
(1)
Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u l-prinċipju ta’ newtralità fiskali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-awtorità fiskali tirrifjuta lil persuna taxxabbli d-dritt li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew imħallsa għal servizzi li ġew ipprovduti lilha, għar-raġuni biss li l-karta ta’ imprenditur individwali ta’ min ħareġ il-fattura ma kinitx ġiet irtirata lil dan tal-aħħar qabel ma dan kien ipprovda s-servizzi inkwistjoni jew ħareġ il-fattura korrispondenti, meta din tal-aħħar tinkludi l-informazzjoni kollha mitluba mill-Artikolu 226 ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari dik neċessarja għall-identifikazzjoni tal-persuna li tkun ħarġet din il-fattura u n-natura tas-servizzi pprovduti.
(2)
Id-Direttiva 2006/112 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-awtorità fiskali tirrifjuta lil persuna taxxabbli d-dritt li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew imħallsa għal servizzi li ġew ipprovduti lilha, għar-raġuni li min ħareġ il-fattura relatata ma’ dawn is-servizzi ma ddikjarax il-ħaddiema li kien iħaddem, mingħajr ma din l-awtorità tistabbilixxi, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li din il-persuna taxxabbli kienet taf jew imissha kienet taf li t-tranżazzjoni invokata sabiex jiġi stabbilit id-dritt għal tnaqqis kienet implikata fi frodi mwettqa minn min ħareġ il-fattura jew operatur ieħor li intervjena iktar kmieni fil-katina ta’ provvista.
(3)
Id-Direttiva 2006/112 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-fatt li l-persuna taxxabbli ma vverifikatx jekk il-ħaddiema impjegati fil-post ta’ kostruzzjoni kinux jinsabu f’relazzjoni legali ma’ min ħareġ il-fattura jew jekk min ħareġ il-fattura kienx iddikjara dawn il-ħaddiema ma jikkostitwixxix ċirkustanza oġġettiva ta’ natura li tippermetti li jiġi konkluż li d-destinatarju tal-fattura kien jaf jew imissu kien jaf li pparteċipa fi tranżazzjoni implikata fi frodi għat-taxxa fuq il-valur miżjud, meta dan id-destinatarju ma kellu ebda indizji li jiġġustifikaw li wieħed jissuspetta l-eżistenza ta’ irregolaritajiet jew ta’ frodi min-naħa tal-imsemmija persuna li toħroġ il-fattura. Għalhekk, id-dritt għal tnaqqis ma jistax jiġi rrifjutat minħabba dan il-fatt, meta l-kundizzjonijiet materjali u formali previsti minn din id-direttiva għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt huma ssodisfatti.
(4)
Meta l-awtorità fiskali tipprovdi indizji konkreti dwar l-eżistenza ta’ frodi, id-Direttiva 2006/112 u l-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jipprekludux li l-qorti nazzjonali tivverifika, abbażi ta’ eżami globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, jekk min ħareġ il-fattur effettwax huwa stess it-tranżazzjoni inkwistjoni. Madankollu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt għal tnaqqis ma jistax jiġi rrifjutat ħlief meta huwa stabbilit mill-awtorità fiskali, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li d-destinatarju tal-fattura kien jaf jew imissu kien jaf li t-tranżazzjoni invokata sabiex jiġi stabbilit id-dritt għal tnaqqis kienet implikata fi frodi mwettqa minn min ħareġ il-fattura jew minn operatur ieħor li intervjena iktar kmieni fil-katina ta’ provvista.
(1) ĠU C 282, 24.9.2011.
Full & Egal Universal Law Academy