1.6.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 156/6
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ April 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sø- og Handelsretten — id-Danimarka) — HK Danmark li qed taġixxi għal Jette Ring vs Dansk almennyttigt Boligselskab (C-335/11), HK Danmark, li qed taġixxi għal Lone Skouboe Werge vs Dansk Arbejdsgiverforening li qed taġixxi għal Pro Display A/S, fi stralċ (C-337/11)
(Kawża C-335/11 u C-377/11) (1)
(Politika soċjali - Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà - Direttiva 2000/78/KE - Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol - Artikoli 1, 2 u 5 - Differenza fit-trattament fuq il-bażi tad-diżabbiltà - Tkeċċija - Eżistenza ta’ diżabbiltà - Assenzi tal-impjegat minħabba d-diżabbiltà tiegħu - Obbligu ta’ arranġamenti - Xogħol part-time - Tul tat-terminu tal-avviż tat-temm tal-impjieg)
2013/C 156/08
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Qorti tar-rinviju
Sø- og Handelsretten
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: HK Danmark li qed taġixxi Jette Ring (C-335/11), HK Danmark, li qed taġixxi għal Lone Skouboe Werge (C-337/11)
Konvenuti: Dansk almennyttigt Boligselskab DAB (C-335/11), Dansk Arbejdsgiverforening li qed taġixxi għal Pro Display A/S, fi stralċ (C-337/11)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Sø- og Handelsretten — Interpretazzjoni tal-Artikoli 1, 2 u 5 tad-Direttiva 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 05, Vol. 04, p. 79) u tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-13/05, Chacón Navas — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-persuna li timpjega tista’ tkeċċi impjegat li ngħata remunerazzjoni matul l-assenza tiegħu minħabba mard għal 120 jum b’kollox matul tnax-il xahar konsekuttiv — Kunċett ta’ diżabbiltà — Persuni bi tnaqqis funzjonali permanenti li ma jeħtieġx tagħmir speċjali u li jikkonsisti biss fl-inkapaċità għax-xogħol full-time — Arranġamenti raġonevoli għall-persuni b’diżabbiltà
Dispożittiv
(1)
Il-kunċett ta’ “diżabilità” previst mid-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi stat patoloġiku kkawżat minn marda kkunsidrata medikament kurabbli jew inkurabbli meta din il-marda tkun tinvolvi limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikiċi, li flimkien ma’ diversi ostakli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħra, u meta din il-limitazzjoni tkun għal żmien twil. In-natura tal-miżuri li l-persuna li timpjega għandha tieħu ma hijiex determinanti sabiex jiġi kkunsidrat li l-istat ta’ saħħa ta’ persuna jaqa’ taħt dan il-kunċett.
(2)
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol jista’ jikkostitwixxi waħda mill-miżuri ta’ arranġamenti previsti f’dan l-artikolu. Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tevalwa jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, it-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol bħala miżura ta’ arranġamenti jirrapreżentax piż sproporzjonat għall-persuna li timpjega.
(3)
Id-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna li timpjega tista’ tittermina kuntratt ta’ xogħol b’avviż tat-temm tal-impjieg b’perijodu iqsar jekk il-ħaddiem b’diżabbiltà kkonċernat kien assenti minħabba mard bir-remunerazzjoni għal 120 jum matul l-aħħar tnax-il xahar meta dawn l-assenzi huma r-riżultat tal-ommissjoni, min-naħa tal-persuna li timpjega, li tieħu l-miżuri xierqa b’mod konformi mal-obbligu li tipprovdi arranġamenti raġonevoli previst fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.
(4)
Id-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li persuna li timpjega tista’ tittermina kuntratt tax-xogħol b’avviż tat-temm tal-impjieg b’perijodu iqsar meta l-ħaddiem b’diżabbiltà kkonċernat kien assenti minħabba mard bir-remunerazzjoni għal 120 jum matul l-aħħar tnax-il xahar meta dawn l-assenzi huma l-konsegwenza tad-diżabbiltà tiegħu, ħlief jekk din id-dispożizzjoni, filwaqt li tfittex għan leġittimu, ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq dan l-għan, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa.
(1) ĠU C 269, 10.09.2011
Full & Egal Universal Law Academy