8.12.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 379/10
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-18 ta’ Ottubru 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hof van Beroep te Gent — il-Belġju) — Punch Graphix Prepress Belgium NV vs Belgische Staat
(Kawża C-371/11) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ammissibbiltà - Riferiment tad-dritt nazzjonali għad-dritt tal-Unjoni - Direttiva 90/435/KEE - Direttiva 90/434/KEE - Prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika - Eċċezzjoni - Likwidazzjoni ta’ sussidjarja wara amalgamazzjoni - Profitti mqassma - Kunċett ta’ “likwidazzjoni”)
2012/C 379/16
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Hof van Beroep te Gent
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Punch Graphix Prepress Belgium NV
Konvenuta: Belgische Staat
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Hof van Beroep te Gent — Interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147) — Prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika — Eċċezzjoni fil-konfront ta’ profitti mqassma fl-okkażjoni tal-likwidazzjoni ta’ sussidjarja — Kunċett ta’ likwidazzjoni — Tranżazzjoni ta’ amalgamazzjoni b’akkwist li timplika x-xoljiment mingħajr il-likwidazzjoni tas-sussidjarji akkwistati — Possibbiltà, għall-awtoritajiet fiskali nazzjonali, li jikkunsidraw tali tranżazzjoni bħala li tinvolvi likwidazzjoni, skont leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tittratta b’mod identiku dik it-tranżazzjoni u amalgamazzjoni li effettivament tinvolvi likwidazzjoni
Dispożittiv
Il-kunċett ta’ “likwidazzjoni” imsemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li x-xoljiment ta’ kumpannija fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni b’akkwist ma għandux jiġi kkunsidrat bħala tali likwidazzjoni.
(1) ĠU C 282, 24.9.2011.
Full & Egal Universal Law Academy