29.9.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 295/15
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Lulju 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña — Spanja) — International Bingo Technology, S.A. vs Tribunal Económico Administrativo Regional de Cataluña (TEARC)
(Kawża C-377/11) (1)
(Sitt Direttiva tal-VAT - Artikoli 11A(1)(a), 17(5) u 19(1) - Organizzazzjoni tal-logħob tat-tombla - Obbligu legali li tiġi ttrasferita parti mill-prezz tal-bejgħ tal-kartelli fil-forma ta’ rebħ lill-ġugaturi - Kalkolu tal-valur taxxabbli)
2012/C 295/25
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Tribunal Superior de Justicia de Cataluña
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: International Bingo Technology, S.A.
Konvenut: Tribunal Económico Administrativo Regional de Cataluña (TEARC)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Tribunal Superior de Justicia de Cataluña — Interpretazzjoni tal-Artikoli 11A(1)(a), 17(5) u 19(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) — Valur taxxabbli — Organizzazzjoni tal-logħob tat-tombla — Bejgħ ta’ kartelli ta’ parteċipazzjoni lill-ġugaturi — Użu ta’ parti mis-sommom hekk miġbura sabiex jitħallas ir-rebħ lill-ġugaturi rebbieħa
Dispożittiv
(1)
L-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/80/KE, tat-12 ta’ Ottubru 1998, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ tal-bejgħ ta’ kartelli tat-tombla bħala dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-valur taxxabbli għat-taxxa fuq il-valur miżjud ma jinkludix il-parti tal-prezz ta’ dawn il-kartelli stabbilita minn qabel mil-liġi u li hija intiża għall-ħlas tar-rebħ lill-ġugaturi
(2)
L-Artikoli 17(5) u 19(1) tas-Sitt Direttiva 77/388 kif emendata bid-Direttiva 98/80/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri ma jistgħux jipprevedu li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-proporzjon tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud, il-parti, stabbilita minn qabel mil-liġi, tal-prezz tal-bejgħ tal-kartelli tat-tombla li għandha titħallas lill-ġugaturi bħala rebħ tifforma parti mid-dħul mill-bejgħ li għandu jiġi inkluż fid-denominatur tal-frazzjoni msemmija fl-imsemmi Artikolu 19(1).
(1) ĠU C 290, 01.10.2011.
Full & Egal Universal Law Academy