24.11.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 366/15
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-27 ta’ Settembru 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (ir-Renju Unit) — Field Fisher Waterhouse LLP vs Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs
(Kawża C-392/11) (1)
(VAT - Eżenzjoni fuq kiri ta’ beni immobbli - Kiri ta’ superfiċi kummerċjali - Servizzi marbuta mal-imsemmija kirja - Kwalifikazzjoni tat-tranżazzjoni għall-finijiet tal-VAT - Tranżazzjoni kkostitwita minn servizz uniku jew minn servizzi indipendenti)
2012/C 366/24
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
First-tier Tribunal (Tax Chamber)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Field Fisher Waterhouse LLP
Konvenut: Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — First-tier Tribunal (Tax Chamber) — Interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) — Eżenzjonijiet favur attivitajiet oħra — Portata tal-eżenzjoni tal-VAT fuq il-kiri ta’ beni immobbli — Inklużjoni tal-ispejjeż ta’ ċerti servizzi għall-użu u għall-manutenzjoni tal-proprjetà immobbli u tal-partijiet komuni — Kwalifikazzjoni tat-tranżazzjoni, għall-finijiet tal-VAT, bħala servizz wieħed jew bħala servizzi indipendenti — Interpretazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 2009 fil-Kawża C-572/07, RLRE Tellmer Property
Dispożittiv
Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandha tiġi interpretata fis-sens li kiri ta’ beni immobbli u l-provvisti ta’ servizzi marbuta ma’ dan il-kiri, bħal dawk fil-kawża prinċipali, jistgħu jikkostitwixxu servizz uniku għal dak li jirrigwarda t-taxxa fuq il-valur miżjud. F’dan ir-rigward, id-dritt mogħti lil sid il-kera fil-kuntratt ta’ kiri li jirrexindi l-kuntratt fil-każ li l-lokatarju jonqos milli jħallas l-ispejjeż lokatizji jikkostitwixxi indikazzjoni li timmilita favur l-eżistenza ta’ servizz uniku, minkejja li dan ma jikkostitwixxix, neċessarjament, l-element determinanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali servizz. Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li servizzi, bħal dawk fil-kawża prinċipali, jistgħu, bħala prinċipju, jiġu pprovduti minn terzi, ma tagħtix lok li jiġi konkluż li dawn ma jistgħux jikkostitwixxu, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, servizz uniku. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk, fid-dawl tal-elementi ta’ interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza preżenti u fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-imsemmija kawża, it-tranżazzjonijiet ikkonċernati huma marbuta bejniethom b’tali mod u manjiera li għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu servizz uniku ta’ kiri ta’ beni immobbli.
(1) ĠU C 282, 24.09.2011.
Full & Egal Universal Law Academy