9.2.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 38/8
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesfinanzhof — il-Ġermanja) — BLV Wohn- und Gewerbebau GmbH vs Finanzamt Lüdenscheid
(Kawża C-395/11) (1)
(Tassazzjoni - Sitt Direttiva tal-VAT - Deċiżjoni 2004/290/KE - Applikazzjoni minn Stat Membru ta’ miżura ta’ deroga - Awtorizzazzjoni - Artikolu 2(1) - Kunċett ta’ “xogħlijiet ta’ kostruzzjoni” - Interpretazzjoni - Inklużjoni tal-provvisti ta’ oġġetti - Possibbiltà li din id-deroga tiġi applikata parzjalment - Restrizzjonijiet)
2013/C 38/08
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesfinanzhof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: BLV Wohn- und Gewerbebau GmbH
Konvenuta: Finanzamt Lüdenscheid
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Bundesfinanzhof — Interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/290/KE, tat-30 ta’ Marzu 2004, li tawtorizza lill-Ġermanja tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (ĠU L 94, p. 59) — Dritt tal-Istat Membru awtorizzat li japplika biss parzjalment din id-deroga — Kunċett ta’ “xogħol ta’ kostruzzjoni” li tinsab f’din id-dispożizzjoni — Inklużjoni possibbli tal-provvisti ta’ beni
Dispożittiv
(1)
L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/290/KE, tat-30 ta’ Marzu 2004, li tawtorizza lill-Ġermanja tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “xogħlijiet ta’ kostruzzjoni” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jinkludi, minbarra l-operazzjonijiet ikkunsidrati bħala provvisti ta’ servizzi, kif iddefiniti fl-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/7/KE, tal-20 ta’ Jannar 2004, ukoll dawk li jikkostitwixxu kunsinni ta’ oġġetti fis-sens tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.
(2)
Id-Deċiżjoni 2004/290 għandha tiġi interpretata fis-sens li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ sempliċement teżerċita l-awtorizzazzjoni mogħtija permezz ta’ din id-deċiżjoni parzjalment għal ċerti kategoriji, bħal diversi tipi ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, u għall-operazzjonijiet imwettqa favur ċerti riċevituri. Fl-istabbiliment ta’ dawn il-kategoriji, dan l-Istat Membru għandu josserva l-prinċipju ta’ newtralità fiskali kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom b’mod partikolari dawk ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali. Il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi legali u fattwali kollha li huma rilevanti, jekk dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali, u tadotta, eventwalment, il-miżuri meħteġa sabiex tirrimedja l-konsegwenzi dannużi ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni li jiksru l-prinċipji ta’ proporzjonalità jew ta’ ċertezza legali.
(1) ĠU C 311, 22.10.2011
Full & Egal Universal Law Academy