3.8.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 225/8
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-30 ta’ Mejju 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Fővárosi Bíróság — l-Ungerija) — Erika Jőrös vs Aegon Magyarország Hitel Zrt.
(Kawża C-397/11) (1)
(Direttiva 93/13/KEE - Klawżoli inġusti inklużi f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi - Eżami ex officio, minn qorti nazzjonali, tan-natura inġusta ta’ klważola kuntrattwali - Konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-qorti nazzjonali mill-konstatazzjoni dwar in-natura inġusta tal-klawżola)
2013/C 225/12
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Fővárosi Törvényszék (li kienet Fővárosi Bíróság)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Erika Jőrös
Konvenut: Aegon Magyarország Hitel Zrt.
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Fővárosi Bíróság — Interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li qorti nazzjonali hija limitata fl-eżami tan-natura inġusta ta’ kuntratti msejħa ta’ adeżjoni meta l-partijiet ma jitolbuhiex espressament li tikkonstata dik in-natura inġusta — Fakultà tal-qorti nazzjonali fi stadju tal-appell li tevalwa ex officio in-natura inġusta ta’ klawżola inkluża f’kuntratt issuġġettat għall-evalwazzjoni tagħha meta dan il-punt ma jkunx tqajjem fl-ewwel istanza u meta, skont ir-regoli nazzjonali, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fatti ġodda jew provi ġodda fl-istadju tal-appell
Dispożittiv
(1)
Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta qorti nazzjonali, adita b’appell minn kawża li tirrigwarda l-validità ta’ klawżoli inklużi f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur abbażi ta’ eżemplari stabbilit minn qabel mill-imsemmi bejjiegħ jew fornitur, ikollha s-setgħa, skont ir-regoli proċedurali interni tagħha, li teżamina kwalunkwe kawża ta’ nullità li tkun tirriżulta b’mod ċar mill-elementi ppreżentati fl-ewwel istanza u, fejn xieraq, li tikklassifika mill-ġdid, skont il-fatti stabbiliti, il-bażi ġuridika invokata sabiex tiġi stabbilita l-invalidità ta’ dawk il-klawżoli, hija għandha, ex officio jew waqt li ttikklassifika mill-ġdid il-bażi legali tat-talba, tevalwa n-natura inġusta tal-imsemmija klawżoli fid-dawl tal-kriterji ta’ dik id-direttiva.
(2)
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali hija obbligata, minn naħa, mingħajr ma tistenna lill-konsumatur jippreżenta talba f’dan is-sens, li tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw, skont id-dritt nazzjonali, minn dik il-konstatazzjoni bil-għan li tiżgura ruħha li dak il-konsumatur ma jkunx marbut bl-imsemmija klawżola u, min-naħa l-oħra, li tevalwa, fil-prinċipju abbażi ta’ kriterji oġġettivi, jekk il-kuntratt ikkonċernat jistax jissussisti mingħajr l-imsemmija klawżola.
(3)
Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li qorti nazzjonali li tkun ikkonstatat ex officio in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha, sa fejn possibbli, tapplika r-regoli proċedurali interni tagħha b’tali mod li jkunu jistgħu jinsiltu l-konsegwenzi kollha li, skont id-dritt nazzjonali, jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni bil-għan li tiżgura ruħha li l-konsumatur ma jkunx marbut b’din tal-aħħar.
(1) ĠU C 331, 12.11.2011
Full & Egal Universal Law Academy