7.9.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 260/6
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Lulju 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Polymeles Protodikeio Athinon — il-Greċja) — Daiichi Sankyo Co. Ltd, Sanofi-Aventis Deutschland GmbH vs DEMO Anonymos Viomichaniki kai Emporiki Etairia Farmakon
(Kawża C-414/11) (1)
(Politika kummerċjali komuni - Artikolu 207 TFUE - Aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali - Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPS) - Artikolu 27 - Oġġett li jista’ jiġi protett bi privattiva - Artikolu 70 - Protezzjoni ta’ oġġetti eżistenti)
2013/C 260/09
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Qorti tar-rinviju
Polymeles Protodikeio Athinon
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Daiichi Sankyo Co. Ltd, Sanofi-Aventis Deutschland GmbH
Konvenuta: DEMO Anonymos Viomichaniki kai Emporiki Etairia Farmakon
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Polymeles Protodikeio Athinon — Interpretazzjoni tal-Artikoli 27 u 70 tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (“TRIPS”) anness mal-Ftehim li jistabbilixxi l-“Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ” (ĠU L 336, p. 214) — Distinzjoni bejn l-oqsma li jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju u dawk li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri — Qasam tal-privattivi — Prodotti kimiċi u farmaċewtiċi
Dispożittiv
(1)
L-Artikolu 27 tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, li jifforma l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakesh fil-15 ta’ April 1994, u li ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ Negozjati Multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994), jaqa’ taħt il-qasam tal-politika kummerċjali komuni.
(2)
L-Artikolu 27 tal-Ftehim TRIPS dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ għandu jiġi interpretat fis-sens li l-invenzjoni ta’ prodott farmaċewtiku, bħall-komponent kimiku attiv ta’ prodott mediċinali, fin-nuqqas ta’ deroga skont il-paragrafu 2 jew 3 ta’ dan l-artikolu, tista’ tkun is-suġġett ta’ privattiva skont il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.
(3)
Privattiva li nkisbet sussegwentement għal talba għall-invenzjoni kemm ta’ proċess ta’ fabbrikazzjoni ta’ prodott farmaċewtiku kif ukoll tal-prodott farmaċewtiku fih innifsu, iżda li ngħatat biss għal dak li jirrigwarda l-proċess ta’ fabbrikazzjoni, ma għandhiex, minħabba r-regoli msemmija fl-Artikoli 27 u 70 tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, tkun ikkunsidrata, sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim, bħala li tkopri l-invenzjoni tal-imsemmi prodott farmaċewtiku.
(1) ĠU C 298, 08.10.2011
Full & Egal Universal Law Academy